News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
15/12/2023 10:17:00
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali – 2023-2026
Il-Prodott Domestiku Gross mistenni jikber b’ritmu aktar moderat
Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni li jikber bi 3.8% fl-2024, u jinżel għal 3.6% fl-2025, u għal 3.3% sal-2026. Għall-2024, dan ifisser reviżjoni 'l fuq meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, filwaqt li għall-2025 il-prospetti ma nbidlux.
Ta' min jinnota li dan it-tbassir ma jjinkludix ċifri tal-kontijiet nazzjonali ppubblikati fit-28 ta' Novembru 2023 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Ir-reviżjoni qawwija 'l fuq fit-tkabbir tal-PDG li saret f'dik il-ħarġa tfisser li huwa probabbli li t-tbassir tal-Bank, speċjalment dak għall-2023, ser jiġi rivedut aktar 'il fuq fil-perjodu tat-tbassir li jmiss.
Id-domanda domestika mistennija li tixpruna t-tkabbir, hekk kif it-tkabbir fil-konsum privat qed ikompli jikber b'ritmu mgħaġġel u l-investiment privat mistenni jibda jirkupra. L-esportazzjoni netta hija mbassra li tikkontribwixxi b'mod pożittiv, xprunata l-aktar mit-tkabbir fl-esportazzjoni ta' servizzi.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera fil-perjodu tat-tbassir, filwaqt li l-pagi mistennija li jiżdiedu fl-2024, minħabba inflazzjoni relattivament għolja u suq tax-xogħol ristrett.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hija mbassra li tonqos minn 5.6% fl-2023, għal 3.0% fl-2024, qabel ma tilħaq it-2.0% sal-2026. Għalhekk huwa previst li s-sena d-dieħla, din tibqa' 'l fuq mill-għan tal-Eurosistema għall-istabbiltà fil-prezzijiet. Dan minħabba effetti indiretti persistenti permezz tar-reazzjoni tal-pagi għaż-żidiet riċenti fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-marġni tal-qligħ. Madankollu, meta mqabbla mat-tbassir preċedenti, l-inflazzjoni ġiet riveduta 'l isfel, f'konformità ma' dak li qed jindikaw l-aħħar ċifri.
Id-defiċit tal-gvern ġenerali mistenni li jonqos matul il-perjodu tat-tbassir. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jiżdied, u li jilħaq il-livell ta' 56.7% sal-2026. Meta mqabbla mal-pubblikazzjoni preċedenti, il-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn ġew riveduti 'l isfel fl-2023, iżda żdiedu fis-sentejn ta' wara.
Ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu 'l fuq għall-2023 u l-2024. Dan jirrifletti l-aħħar reviżjonijiet fil-kontijiet nazzjonali għall-ewwel nofs tas-sena, kif ukoll l-aħħar numri tat-tielet kwart. Ir-riskji huma wkoll pożittivi lejn l-aħħar tal-perjodu tat-tbassir, għalkemm fuq livelli inqas.
Ir-riskji għall-inflazzjoni wkoll ixaqilbu ftit 'il fuq fl-2024 iżda huma bbilanċjati minn hemm 'il quddiem.
Min-naħa fiskali, ir-riskji huma pożittivi (tnaqqis fid-defiċit) fl-2023 minħabba l-probabbiltà ta' tkabbir aktar b'saħħtu milli kien mistenni fid-dħul mit-taxxa. Ir-riskji mbagħad huma (żieda fid-defiċit) mill-2024, li prinċipalment jirriflettu probabbiltà ta' nfiq ogħla milli mistenni fuq miżuri ta' sostenn għall-enerġija.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet analitiċi. L-ewwel analiżi tipprovdi stimi preliminari tal-impatt taż-żieda mħabbra fil-paga minima fuq it-tkabbir fil-paga medja fl-2024. It-tieni analiżi tagħti ħarsa lejn l-impatt tal-Baġit 2024 fuq it-tbassir fiskali.
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)
|
4.3
|
3.8
|
3.6
|
3.3
|
Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)
|
5.6
|
3.0
|
2.3
|
2.0
|
Rata tal-qgħad
|
2.8
|
2.9
|
2.9
|
3.0
|
Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
-4.6
|
-4.1
|
-3.6
|
-3.2
|
Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
52.8
|
55.1
|
55.9
|
56.7
|
Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju