News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

09/08/2023

L-Ewwel Mudell ta’ Ekwilibriju Ġenerali Komputabbli għal Malta - Proġett imwettaq b’suċċess mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’Kooperazzjoni mal-Università ta’ Macerata

Fl‑2021, il‑Bank Ċentrali ta' Malta daħal fi ftehim ta' kooperazzjoni ta' sentejn mal‑Università ta' Macerata bil‑għan li jiżviluppa mudell ta' Ekwilibriju Ġenerali Komputabbli (CGE) għal Malta. Dan il-ftehim ta' kooperazzjoni dan l-aħħar wasal fi tmiemu bit-tlestija b'suċċess tal-ewwel mudell CGE għal Malta, bl-isem ta' MaCGE-MOD.

Il-proċess ta' żvilupp tal-mudell mexa fi tliet stadji. Fl-ewwel stadju, it-tim, b'kollaborazzjoni ma' Dr Ian P. Cassar mill-Università ta' Malta, ħoloq l-ewwel Social Accounting Matrix (SAM) għall-ekonomija Maltija. L-SAM jirreġistra l-valur tat-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu l-prodotti, l-attivitajiet u s-setturi istituzzjonali tal-ekonomija u jservi bħala s-sors ewlieni għall-kalibrazzjoni tal-parametri tal-mudell. Fit-tieni stadju, riċerkaturi mill-Università ta' Macerata u l-Bank Ċentrali ta' Malta komplew bl-iżvilupp u l-validazzjoni tal-mudell il-ġdid. Fl-aħħar stadju, ekonomisti fi ħdan id-Dipartiment tar-Riċerka Ekonomika tal-Bank kellhom l-opportunità unika li jagħmlu taħriġ teoretiku estensiv kif ukoll dak prattiku fuq mudelli CGE offruti mit-tim ta' Macerata.

MaCGE-MOD huwa mudell multi-input, multi-output u multi-sector ta' ekwilibriju ġenerali. Hija sistema diżaggregata ħafna, u kapaċi timmudella t-tranżazzjonijiet intrasettorjali ta' total ta' 44 prodott bażiku u 44 attività flimkien mat-tranżazzjonijiet primarji u sekondarji fost sitt setturi istituzzjonali differenti.

MaCGE-MOD ser jikkumplimenta l-firxa attwali ta' mudelli tal-Bank Ċentrali ta' Malta billi jkabbar it-tagħrif tal-interazzjonijiet kumplessi fl-ekonomija li jirriżultaw mir-rabtiet settorjali li jeżistu fil-proċess tal-produzzjoni ekonomika. Barra minn hekk, l-istruttura dettaljata tal-mudell ser tippermetti wkoll li jiġu traċċati l-effetti fis-setturi ekonomiċi Maltin li jirriżultaw wara bidla fil-kundizzjonijiet ekonimiċi.

Minbarra l-iżvilupp ta' mudell ġdid, il-ftehim ta' kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali huma kruċjali fit-twessigħ tar-rabtiet bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u istituzzjonijiet akkademiċi ewlenin. F'dan ir-rigward, wara l-konklużjoni ta' dan il-ftehim ta' kooperazzjoni b' suċċess, iż-żewġ partijiet iħarsu 'l quddiem għal kollaborazzjonijiet aktar produttivi fil-futur qrib.

Id-dokumentazzjoni ta' MaCGE-MOD hija disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju