News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
16/02/2023
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali – 2022-2025
Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank, it‑tkabbir tal‑prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni li jimmodera b'mod sinifikanti minn 6.8% fl‑2022 għal 3.7% fl‑2023, u li jbatti ftit aktar għal 3.6% u 3.5% fl‑2024 u fl‑2025, rispettivament. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti, l-aħħar tbassir tal-Bank għall-PDG nominali b'mod ġenerali ma jinbidilx, hekk kif reviżjonijiet 'il fuq fl-investiment privat u l-esportazzjoni ġew imtaffija minn reviżjoni 'l fuq fl-importazzjoni.
Fl-2023, id-domanda domestika mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir, hekk kif l-investiment jibda jirkupra wara t-tnaqqis tas-sena l-oħra, filwaqt li l-konsum mistenni li jibqa' relattivament b'saħħtu. Il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistennija li tkun marġinali fl-2023, hekk kif l-esportazzjoni għandha tikber b'rata ferm inqas mgħaġġla wara l-irkupru qawwi tal-2022. Għalkemm il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni li jiżdied bi ftit fl-2024 u l-2025, id-domanda domestika hi mistennija li tibqa' l-istimolu ewlieni tat-tkabbir f'dawk is-snin.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera wkoll minn 5.4% fl-2022 għal 3.3% fl-2023, li parzjalment jirrifletti t-tnaqqis previst fil-mixja tal-attività ekonomika lejn il-potenzjal tagħha. Matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir, it-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jkun fil-livell ta' 2.0%. Ir-rata tal-qgħad mistennija li tkun fil-livell ta' 3.0% fl-2023, u tibqa' relattivament baxxa, fil-livell ta' 3.2% fl-2024 u fl-2025.
Fid-dawl taż-żieda fl-inflazzjoni fl-2023, flimkien ma' kundizzjonijiet stretti fis-suq tax-xogħol, it-tkabbir fil-pagi mistenni jkun relattivament b'saħħtu. Madankollu, it-tkabbir nominali fil-pagi hu mbassar li jibqa' taħt l-inflazzjoni għall-konsumatur fl-2023 minħabba dewmien fit-trażmissjoni mill-prezzijiet għall-pagi. Fis-snin ta' wara, it-tkabbir fil-pagi mistenni li jibqa' b'saħħtu u jiżdied b'rata aktar mgħaġġla mill-inflazzjoni għall-konsumatur.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija tibqa' għolja fl-2023, iżda ferm inqas mill-2022. Fil-fatt, huwa previst li r-rata tkun fil-livell ta' 4.5% fl-2023, li hija inqas minn 6.1% fl-2022. It-tnaqqis fl-inflazzjoni jirrifletti moderazzjoni mifruxa fis-sottokomponenti kollha tal-HICP, ħlief fl-inflazzjoni tal-enerġija. Is-servizzi huma previsti li jkunu l-kontributur ewlieni għall-inflazzjoni HICP, iżda l-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija (NEIG) u l-ikel ipproċessat ukoll huma mbassrin li jikkontribwixxu b'mod qawwi għall-inflazzjoni annwali HICP fl-2023. L-inflazzjoni mistennija tkompli tonqos fl-2024 u fl-2025 għal 2.3% u 2.1%, rispettivament.
Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG hu stmat li naqas għal 5.2% tal-PDG fl-2022 minn 7.5% fl-2021. Hu mbagħad imbassar li jonqos aktar għal 4.9% tal-PDG fl-2023, u li jkompli jonqos matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir u jilħaq it-2.9% tal-PDG sal-2025. Dan it-titjib huwa xprunat minn sehem dejjem jonqos tal-infiq fil-PDG, speċjalment wara t-tneħħija tal-miżuri ta' appoġġ relatati mal-COVID-19 fl-2022, u l-profil dejjem jonqos tal-miżuri ta' mitigazzjoni relatati mal-inflazzjoni. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali huwa stmat li naqas fl-2022 u mbagħad jiżdied progressivament matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir, u jistabbilizza għal madwar 58.0% sal-2025.
Kollox ma’ kollox, ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu xi ftit lejn in-negattiv fl-2023 iżda huma aktar ibbilanċjati minn hemm ’il quddiem. Ir-riskji negattivi ewlenin huma marbutin mal-possibbiltà ta’ dgħufija akbar minn dik prevista fis-sitwazzjoni internazzjonali. Din tista’ twassal għal tnaqqis fl-esportazzjoni. Id-domanda minn barra tista’ tkun ukoll aktar dgħajfa milli mistenni, speċjalment jekk il-politika monetarja fl-ekonomiji avvanzati tissikka b’pass aktar mgħaġġel minn dak mistenni f’dan it-tbassir. Xi wħud minn dawn ir-riskji jistgħu jittaffew minn tkabbir fil-pagi aktar b’saħħtu milli mistenni, li jista’ joffri appoġġ addizzjonali għall-konsum tal-households.
Ir-riskji għall-inflazzjoni huma meqjusin ibbilanċjati matul il-perjodu kollu tat-tbassir. Fil-fatt, filwaqt li l-effett ta' pressjonijiet 'il fuq tal-prezzijiet fuq is-salarji f'Malta u dewmien fit-trażmissjoni mhux kompluta taż-żidiet riċenti fil-prezzijiet tal-enerġija fiż-żona tal-euro jistgħu jkomplu jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti, il-ftuħ mill-ġdid taċ-Ċina jista' jitqies bħala treġġigħ lura parzjali tal-iskossi preċedenti fil-provvista. Barra minn hekk, trażmissjoni iktar mgħaġġla taż-żieda riċenti fil-valur tal-euro, l-issikkar monetarju kif ukoll spejjeż internazzjonali tal-enerġija u t-trasport aktar baxxi għandhom iwasslu għal pressjonijiet 'l isfel fuq l-inflazzjoni.
Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi (żieda fid-defiċit) mill-2023 'il quddiem. Dawn jirriflettu prinċipalment il-probabbiltà ta' għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru nazzjonali, għalkemm tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef possibbli wkoll jista' jkollu impatt. Dawn ir-riskji jistgħu jiġu parzjalment megħluba mill-profil tal-infiq fuq il-miżuri ta' mitigazzjoni tal-prezzijiet, li jista' jkun inqas minn dak imbassar jekk il-prezzijiet taż-żejt u l-gass jistabbilizzaw f'livelli aktar baxxi.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet. L-ewwel silta tipprovdi l-aħħar stimi tar-rata tal-qgħad li ma taċċellerax l-inflazzjoni (NAIRU), filwaqt li t-tieni silta tispjega aktar fid-dettall l-implikazzjonijiet tal-iskarsezza fis-suq tax-xogħol għat-tbassir ekonomiku.
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)
|
6.8
|
3.7
|
3.6
|
3.5
|
Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)
|
6.1
|
4.5
|
2.3
|
2.1
|
Rata tal-qgħad
|
3.0
|
3.0
|
3.2
|
3.2
|
Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
-5.2
|
-4.9
|
-3.8
|
-2.9
|
Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
54.9
|
56.8
|
57.9
|
57.9
|
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju