News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

26/01/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2023

L-aħħar djalogu li sar bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u kumpaniji mhux finanzjarji juri li fir‑raba' kwart tal‑2022, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan‑negozju naqas meta mqabbel mat‑tielet kwart tas-sena. Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività matul it-tliet xhur ta' qabel l-intervista naqas minn 54% fit-tielet kwart għal 27% fir-raba' kwart. Matul dan il-kwart, 52% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività filwaqt li 24% rrappurtaw tnaqqis.

L-aspettattivi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju huma kemxejn inqas ottimisti meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Fl-aħħar kwart tal-2022, 47% tan-negozji intervistati rrappurtaw li qegħdin jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li 16% antiċipaw tnaqqis. Għalhekk, proporzjon nett ta' 31% qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fit-tliet xhur li ġejjin. Dan jitqabbel ma' proporzjon nett ta' 35% fil-kwart ta' qabel.

Għalkemm it-tfixkil fil-provvista naqas bi ftit, l-ispejjeż tal-produzzjoni baqgħu jogħlew. Fil-fatt, 82% tal-azjendi kkuntattjati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni.

Bi tweġiba għal mistoqsija ad hoc li tirreferi għall-aspettattivi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni fit-tnax-il xhar li ġejjin, 27% tan-negozji qed jistennew li ma jkunx hemm tibdil, filwaqt li 30% pprevedew żidiet sa 5%. Madwar 22% tan-negozji intervistati antiċipaw żidiet fl-ispejjeż għal kull unità ta' aktar minn 5%. L-ebda negozju mhu qed jipprevedi xi tnaqqis fl-ispejjeż, filwaqt li 20% tal-kumpaniji mistħarrġa kienu indeċiżi dwar kif l-ispejjeż jistgħu jiżviluppaw matul it-tnax-il xahar li ġejjin.

Fir-raba' kwart, 54% tan-negozji rrappurtaw prezzijiet ogħla tal‑bejgħ. Dan kien marġinalment inqas minn 55% fil-kwart ta' qabel. Madwar 30% tan-negozji mistħarrġa jippjanaw li jgħollu l-prezzijiet b'mod konsiderevoli.

Sadattant, il-proporzjon nett tal-kumpaniji li qed jippjanaw li jinvestu naqas minn 33% għal 27%, hekk kif il-proporzjon gross tal-kumpaniji li qed jippjanaw li jinvestu aktar naqas minn 54% għal 48%, filwaqt li l-proporzjon tal-kumpaniji li qed jippjanaw li jnaqqsu l-investiment baqa' l-istess (21%).

Minkejja li  din id-darba kien hemm inqas negozji minn qabel li rrappurtaw titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju, proporzjon nett ta' 58% tan-negozji xorta qiegħed jippjana li jżid il-ħaddiema, li jfisser żieda minn 48% fil-kwart ta' qabel. Dan il-proporzjon hu l-ogħla fost in-negozji li joperaw fis-settur tas-servizzi (71%). In-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi silta li tqabbel il-previżjonijiet tan-negozji rrappurtati matul l-ewwel kuntatt li sar fl-2022 mar-riżultati rrappurtati fit-tieni intervista fl-2022. Instab li 52% tan-negozji bassru b'mod korrett id-direzzjoni tal-bidla fil-kundizzjonijiet tan-negozju tagħhom.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju