News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
28/04/2022
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jippreżenta r-Rapport Annwali għas-sena 2021
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta nieda r-Rapport Annwali tiegħu għall‑2021, waqt konferenza li saret fis‑27 ta’ April 2022 u indirizzata mill‑Gvernatur, il‑Professur Edward Scicluna, id-Deputat Gvernatur għall‑Politika Monetarja Alexander Demarco, id-Deputat Gvernatur għall‑Istabbiltà Finanzjarja Oliver Bonello, u ċ-Chief Economist Dr Aaron Grech.

Tnedija waqt konferenza tar-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali għall-2021
Ir-Rapport Annwali jinkludi r-rapporti finanzjarji tal-Bank, analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u lil hinn minnha, u kif ukoll analiżi dwar il-politika u l-operat tal-Bank.
Għall-konferenza kien hemm attendenza numeruża ta’ uffiċjali minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, diplomatiċi, stockbrokers, ekonomisti, imsieħba soċjali u operaturi soċjoekonomiċi oħrajn. Il-konferenza kienet immexxija minn Keith Demicoli u kienet tinkludi sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet għal dawk li attendew u l-ġurnalisti.
B’ħarsa ’l quddiem, il‑Gvernatur, il‑Professur Edward Scicluna enfasizza li l‑Bank Ċentrali ta’ Malta ser ikompli jissorvelja mill-qrib l-ekonomija u s‑sistema finanzjarja u jwassal informazzjoni lill‑pubbliku. Il-Gvernatur stqarr li l-livelli tal-attività ekonomika diġà reġgħu lura għal dawk prevalenti qabel il-pandemija, waqt li t-tkabbir mistenni li jimmodera għal livelli aktar normali. Il-Bank jistenna li l-PDG jikber b’6% fl-2022, b’5.3% fl-2023 u bi 3.8% fl-2024, għalkemm ġie enfasizzat li t-tali tbassir kien ippreparat qabel l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, li tirrappreżenta riskju negattiv għal dan it-tbassir.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna
Iċ-Chief Economist tal‑Bank, Dr Aaron Grech, innota li filwaqt li b’mod ġenerali l‑PDG hu ftit ogħla minn qabel il‑pandemija, is‑setturi l‑aktar milquta għadhom taħt il‑livelli milħuqa fl‑2019 u l‑irkupru gradwali tagħhom, flimkien mat‑tkabbir kontinwu tas‑servizzi diġitali, jista’ jpatti għall-impatti negattivi attwali tat-tensjonijiet ġeopolitiċi u inflazzjoni ogħla.

Iċ-Chief Economist, Dr Aaron Grech
Fil-preżentazzjoni tiegħu d-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, Mr Oliver Bonello ta ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fis-settur bankarju lokali fejn semma li kien hemm titjib fil-profittabbiltà u kif ukoll fil-livelli tal-kapital u tal-likwidità rreġistrati mill-banek domestiċi ewlenin f’xenarju ta’ rkupru f’kundizzjonijiet makroekonomiċi li jappoġġjaw l-istabbiltà finanzjarja.

Id-Deputat Gvernatur, Mr Oliver Bonello
Id‑Deputat Gvernatur għall‑Politika Monetarja Alexander Demarco ffoka dwar ir‑rapporti finanzjarji tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta għas‑sena li ntemmet fil‑31 ta' Diċembru 2021. Qal li l-Bank irreġistra profitt għas-sena, wara l-provvedimenti, ta’ €22.17 miljun.

Id-Deputat Gvernatur, Mr Alexander Demarco
(Ritratti: Melvin Bugeja)
Ir-Rapport Annwali għall-2021 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Lura lejn l-Arkivju