News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

27/04/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport Annwali għas-sena 2021

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r-Rapport Annwali tiegħu għas-sena 2021 li jinkludi fih ir-rapporti finanzjarji dettaljati. Ir-Rapport jiftaħ bi stqarrija tal-Gvernatur u jkompli b'analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, kif ukoll tal-politika u l-operat tal-Bank.

Ir-Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il-kundizzjonijiet għall-finanzjament li jaffettwaw lill-kumpaniji f'Malta, is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u l-karta tal-bilanċ ta' setturi istituzzjonali differenti. Analiżi oħra tħares lejn il-produttività u l-ispiża għal kull unit ta' produzzjoni f'kull settur skont il-kontijiet nazzjonali, u lejn il-kirjiet irreklamati f'Malta.

Ir-Rapport jinnota li fl-2021, l-ekonomija globali bdiet tirkupra mill-pandemija tal-COVID-19, iżda l-irkupru kien ivarja minn settur għal ieħor u minn pajjiż għal ieħor. L-irkupru qawwi fid-domanda globali seħħ fil-kuntest ta' diffikultajiet ikkawżati minn tfixkil fil-produzzjoni u l-provvista. Id-diskrepanzi bejn il-provvista u d-domanda min-naħa tagħhom wasslu għal żieda fil-pressjonijiet inflazzjonarji li komplew jiżdiedu ukoll minħabba żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. F'dan l-isfond, lejn l-aħħar tas-sena, il-banek ċentrali ta' għadd ta' ekonomiji ewlenin bdew jindikaw li kien qed jiġi kkunsidrat it-tmiem tal-politika monetarja espansjonarja.

Bħal fil-biċċa l-kbira tal-ekonomiji l-oħrajn, dik Maltija bdiet tirkupra wkoll mill-effetti tal-pandemija. Fil-fatt, il-prodott domestiku gross (PDG) żdied b'9.4% fl-2021, xprunat mid-domanda domestika u, f'livelli inqas, mill-esportazzjoni netta. Il-livell tal-PDG kien marġinalment ogħla minn dak tal-2019.

L-impjiegi komplew jibbenefikaw min-normalizzazzjoni kontinwa tal-attività ekonomika fil-kuntest ta' suq tax-xogħol restrittiv u minn miżuri ta' appoġġ relatati mal-COVID, b'mod partikolari l-Iskema tas-Suppliment tal-Pagi. Ir-rata tal-qgħad naqset u kienet ferm inqas mill-medja tagħha sa tal-inqas mill-2003, kif ukoll inqas mir-rata medja fiż-żona tal-euro.

Il-bilanċ fiskali baqa' f'defiċit sostanzjali minħabba l-estensjoni tal-appoġġ ekonomiku u l-infiq fuq is-saħħa relatat mal-COVID-19. Il-bilanċ tal-kont kurrenti baqa' wkoll f'defiċit fl-2021 minħabba żieda sinifikanti fl-importazzjoni li kienet tinkludi s-settur tal-avjazzjoni. Barra dan, il-qligħ relatat mat-turiżmu, filwaqt li kien qed jirkupra, baqa' ferm taħt il-livelli ta' qabel il-pandemija.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) naqset marġinalment għal 0.7% fl‑2021. Sa tmiem l-2021, madankollu, l-inflazzjoni żdiedet għal 2.6% hekk kif il-pressjonijiet tal-prezzijiet internazzjonali affettwaw l-ekonomija Maltija. Madankollu, l-inflazzjoni mkejla skont l-HICP f'Malta baqgħet ferm inqas minn dik fiż‑żona tal-euro, l-aktar minħabba li s-sostenn fiskali fisser li l-prezzijiet domestiċi tal-enerġija baqgħu protetti miż-żieda fil-prezzijiet fis-swieq internazzjonali. Il-bidliet fil-piżijiet assenjati lis-sottoindiċijiet tal-HICP fid-dawl ta' bidliet fil-kompożizzjoni tal-konsum wara l-pandemija, ikkontribwew ukoll għar-rata aktar baxxa tal-inflazzjoni meta mqabbla ma' taż-żona tal-euro. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), li mhix affettwata mill-bidliet fil-piżijiet imsemmijin qabel, żdiedet minn 0.6% fl-2020, għal 1.5% fl-2021.

L-aħħar tbassir ekonomiku tal-Bank juri li l-livelli tal-attività ekonomika huma mistennija li jkomplu jirkupraw fl-2022. Madankollu, minħabba li l-livelli tal-attività ekonomika diġà reġgħu lura għal dawk prevalenti qabel il-pandemija, it-tkabbir huwa mistenni li jimmodera għal livelli aktar normali. Il-Bank jistenna li l-PDG jikber b'6.0% fl-2022, b'5.3% fl-2023 u bi 3.8% fl-2024. Il-pressjonijiet inflazzjonarji huma mistennija li jibqgħu għoljin fl-2022 iżda għandhom jibdew jonqsu fl-2023, hekk kif id-diffikultajiet fil-provvista mistennijin li jonqsu gradwalment. Il-bilanċ tal-gvern ġenerali mistenni li jibqa' f'defiċit sa tmiem il-perjodu tat-tbassir, għalkemm għandu jonqos għal 3.3% tal-PDG sal-2024 hekk kif il-miżuri ta' appoġġ relatati mal-COVID jitneħħew gradwalment. Id-dejn tal-gvern mistenni li jilħaq is-60.9% tal-PDG sa dik is-sena.

Ir-riskji għall-attività ekonomika fuq iż-żmien medju huma kkunsidrati bbilanċjati, b'xi riskji negattivi fl-immedjat, jekk il-pandemija taffettwa t-turiżmu b'mod aktar negattiv milli previst fl-aħħar tbassir. Jekk id-diffikultajiet fil-provvista jdumu iżjed fit-tul, dawn mistennija jkollhom impatt negattiv fuq l-attività finanzjarja. Madankollu, il-bidu tal-kunflitt fl-Ukrajna lejn l-aħħar ta' Frar 2022, wara d-data tal-għeluq tal-aħħar tbassir tal-Bank, żied l-inċertezza u jirrappreżenta riskji negattivi addizzjonali għall-attività ekonomika. Barra dan, fin-nuqqas ta' riżoluzzjoni bla dewmien għall-kunflitt, il-prezzijiet fis-swieq internazzjonali jistgħu jibqgħu għoljin fit-tul u jħallu impatt fuq il-konsum domestiku fuq iż-żmien medju, sakemm ma jkunux imtaffija b'sostenn fiskali u/jew bi tnaqqis aktar mgħaġġel fil-proporzjon tat-tfaddil.

Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-riskji jxaqilbu 'l fuq matul il-perjodu kollu tat-tbassir. Barra minn hekk, tensjonijiet ġeopolitiċi fit-tul fl-Ewropa jistgħu jwasslu wkoll għal inflazzjoni importata li tkun ogħla minn dik prevista f'dan l-eżerċizzju.

Ir-riskji għat-tbassir fiskali jaffettwaw l-aktar l-2022 u meqjusin li qed iżidu d-defiċit. B'mod partikolari, dawn ir-riskji huma relatati mal-probabbiltà ta' appoġġ addizzjonali marbut mal-COVID, l-impatt tar-ristrutturar tal-Air Malta fuq il-probabbiltà ta' għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru, u l-appoġġ biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna.

Matul is-sena, il-Bank kompla jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema f'Malta, permezz tal-faċilitajiet permanenti, operazzjonijiet għall-provvediment ta' likwidità u x-xiri ta' assi. Istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti f'Malta pparteċipaw b'mod aktar attiv f'operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament immexxija mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Fl-2021, is-sistema bankarja għamlet ukoll użu sinifikanti mit-tielet strument ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq żmien twil minħabba l-prezz attraenti tiegħu. L-użu ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament ta' emerġenza pandemika fuq perjodu twil żdied ukoll, filwaqt li l-użu ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament fit-tul ta' tliet xhur baqa' aktar limitat. Bħal fl-2020, l-istituzzjonijiet ta' kreditu Maltin ma użawx il-faċilità tas-self marġinali. L-użu tal-faċilità tad-depożitu naqas hekk kif il-banek komplew iżidu l-bilanċi tagħhom miżmuma mal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Il-Bank kompla jixtri bonds tal-Gvern taħt il-programm ta' xiri mingħand is-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP). Fl-2021, il-Bank xtara €216.1-il miljun f'bonds tal-Gvern Malti taħt il-PSPP u €235.2 miljun taħt il-PEPP. Il-Bank għamel ukoll xiri addizzjonali taħt iż-żewġ programmi għall-portafolji tal-BĊE.

Il-karta tal-bilanċ tal-Bank kompliet tikber għal €12,400.1 miljun fl-aħħar tal-2021, minn €10,035.4 miljun sena qabel. Il-qligħ mill-operat qabel it-trasferimenti għal provvedimenti naqas għal €26.1 miljun minn €42.8 miljun fl-2020. Wara t-trasferiment ta' €3.9 miljun għal provvedimenti, l-ammont pagabbli lill-Gvern ta' Malta huwa dak ta' €22.2 miljun, minn €33.0 miljun sena qabel.

Il-Bank wettaq evalwazzjonijiet regolari tal-kundizzjonijiet fis-settur finanzjarju, ukoll permezz ta' testijiet tal-istress u analiżi tas‑sensittività, kif ukoll permezz tal-Istħarriġ dwar is-Self tal-Banek. Il-Bank ippubblika wkoll l-ewwel analiżi dwar il-firxa ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja f'Malta u dwar kemm hu espost is-settur finanzjarju domestiku għal dawk is-setturi sensittivi għall-klima.

Hekk kif tjiebet is-sitwazzjoni pandemika f'Malta, ġew riveduti ċerti miżuri ta' politika makroprudenzjali li kienu ġew posposti b'reazzjoni għall‑pandemija. Barra minn hekk, wara konsultazzjoni pubblika, il-Bank ippubblika verżjoni emendata tad-Direttiva Nru 16 dwar il-miżuri tas-self, li tirrifletti prinċipalment reviżjonijiet fid-definizzjonijiet ta' min jissellef u rfinar ieħor. Matul l-2021, il-Bank ħadem fuq sett ta' data komprensiv li għandu jiġi rrapportat mill-banek, li jilħaq il-popolazzjoni kollha ta' self fuq proprjetà immobbli.

Bħal fis-snin li għaddew, il-Bank kompla jipparteċipa fil-laqgħat tal-BĊE u tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku relatat mas-settur finanzjarju. Materji ta' stabbiltà finanzjarja u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali ġew diskussi regolarment mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-aġenziji ta' klassifikazzjoni.

Lokalment, il-Bank baqa' attiv fil‑Bord Konġunt dwar l-Istabbiltà Finanzjarja kif ukoll fil‑Kumitat Permanenti Domestiku u t-Task Force tiegħu għall-Immaniġġjar tal‑Kriżijiet. Sadattant, il-Bank kompla jissorvelja l-iżviluppi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hekk kif il-partijiet ikkonċernati differenti komplew il-ħidma tagħhom fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MONEYVAL u t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja.

Il-Bank kompla jipparteċipa wkoll fil-Bord Nazzjonali għall-Produttività, fil-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini u fl-Osservatorju tal-Kirjiet tal-Awtorità tad-Djar. Inżammu kuntatti ma' istituzzjonijiet privati u pubbliċi u tnediet pubblikazzjoni ġdida ta' kull tliet xhur li tiġbor fil-qosor l-informazzjoni miġbura minn dawn id-diskussjonijiet - il-Business Dialogue.

Il-Bank għal darb'oħra organizza webinars dwar materji ekonomiċi kif ukoll is-Simpożju Annwali tar-Riċerka, li ffoka fuq it-tibdil fil-klima. Sar progress fil-ħidma fuq mudell ġdid għall-ekonomija Maltija. Il-Bank kompla jaħdem mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq ir-raba' ċiklu tal-Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal-Households.

Il-Bank kompla jikkompila u jiċċirkola l-istatistika għall-istituzzjonijiet uffiċjali u l-pubbliku inġenerali. Numru ta' formoli statutorji tnedew jew ġew emendati biex jissodisfaw l-obbligi statistiċi tal-BĊE fil-qasam tal-pagamenti u l-istatistika bankarja u ġiet ippubblikata statistika addizzjonali dwar il-pagamenti fuq is-sit elettroniku tal-Bank. Fl-2021, il-Bank nieda d-Direttiva Nru 15 dwar is-superviżjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, il-Bank kompla jopera r-Reġistru Ċentrali tiegħu tal-Kreditu sabiex jipprovdi informazzjoni lill-istituzzjonijiet u persuni eliġibbli dwar ir-riskju ta' kreditu marbut mad-dejn ta' dawn tal-aħħar.

Il-Bank kompla jissorvelja l-istituzzjonijiet ta' kreditu u professjonisti oħra fil-maniġġ tal-flus, biex b'hekk jiżgura li l-professjonisti kollha fil-maniġġ tal‑flus ikunu ċċertifikati u mħarrġa biex jidentifikaw karti tal-flus tal-euro foloz u jirriċirkolaw karti tal-flus tal-euro. Id-Direttiva Nru 19 inħarġet bil-għan li jitnaqqas kemm l-użu kif ukoll l-abbuż potenzjali fl-użu taċ-ċekkijiet bankarji. Sadattant, wara t-tnedija mill-BĊE tal-fażi ta' investigazzjoni ta' proġett tal-euro diġitali, ġie mwaqqaf unit sabiex jibni l-kompetenza meħtieġa biex il-Bank ikun jista' jikkontribwixxi għal dan il-proġett.

Fl-2021, il-Bank kompla jsaħħaħ l-infrastruttura fiżika kif ukoll tal-IT u beda jimplimenta sistema ġdida għall-Immaniġġjar tar-Riskji għall-Kriminalità Finanzjarja.

Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex jappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali sostenibbli, il-Bank applika diversi prattiki ta' Investiment Sostenibbli u Responsabbli fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-investiment. Fl-2021, il-Bank kompla jiżgura li kwalunkwe istituzzjoni esterna involuta fl-immaniġġjar ta' xi wħud mill-portafolji tagħha tikkonforma mal-kunsiderazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta' Governanza fid-deċiżjonijiet kollha tagħhom dwar l-investiment. Kien hemm ukoll żieda fil-proporzjon ta' bonds ekoloġiċi, soċjali u sostenibbli fil-portafolji tal-Bank immaniġġjati internament. Il-Bank kompla wkoll jipparteċipa fin-Network for Greening the Financial System, li jiġbor flimkien diversi banek u assiguraturi globali sistemikament importanti. Bil-għan li jnaqqas l-impronta ekoloġika tiegħu, il-Bank żamm għadd ta' inizjattivi li kienu introdotti f'dawn l-aħħar snin.

Fil-futur, il-Bank ser ikompli jissorvelja mill-qrib l-ekonomija u s-sistema finanzjarja, u jwassal l-għarfien tiegħu lill-pubbliku inġenerali. Fi ħdan il-mandat tiegħu, ser jikkollabora wkoll ma' partijiet ikkonċernati oħra sabiex isaħħaħ il-qafas Malti kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Qasam ieħor li ser ikun jistħoqqlu attenzjoni partikolari matul is-sena li ġejja jinkludi l-allinjament tal-prattiki analitiċi u operattivi tal-Bank f'konformità ma' diversi inizjattivi tal-BĊE li qed jiġu ppjanati sabiex il-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jinġiebu fil-qafas tal-politika monetarja. Fl-istess ħin, il-Bank ikollu jikkonforma ma' standards u linji gwida li l-BĊE jista' jadotta fir-rigward ta' portafolji tal-politika mhux monetarja.

Ir-Rapport Annwali għall-2021 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju