News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
28/01/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2022
Il-laqgħat li saru bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u kumpaniji mhux finanzjarji matul ir-raba' kwart tal-2021 juru dan li ġej:
- B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tan-negozju baqgħu pożittivi imma battew xi ftit.
- L-aspettattivi dwar l-attività kummerċjali naqsu bi ftit.
- Il-pjanijiet ta' investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat.
- In-negozji qed jippjanaw reklutaġġ addizzjonali.
- In-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema.
- Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu b'saħħithom u parzjalment jirriflettu żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ.
Fir-raba' kwart tal-2021, il-kundizzjonijiet baqgħu pożittivi imma battew xi ftit, b'perċentwal nett aktar baxx ta' negozji li rrappurtaw titjib fl-attività matul it-tliet xhur ta' qabel l-intervista. Dan il-proporzjon naqas minn 49% fit-tielet kwart għal 36% fl-aħħar kwart tal-2021. Matul dan il-kwart, 57% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw attività ogħla filwaqt li 21% rrappurtaw tnaqqis.

Kważi nofs in-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li 16% kienu qed jistennew tnaqqis. Proporzjon nett ta’ 33% kien jistenna titjib fl-attività kummerċjali, ftit inqas minn 37% fit-tielet kwart. Sadattant, il-proporzjon ta’ dawk li kienu inċerti mill-prospetti tan-negozju naqas xi ftit.

Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu sostanzjali fit-trimestru kopert, bi kważi tliet kwarti tal-kuntatti jirrappurtaw li raw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni u l-ebda negozju ma semma tnaqqis fil-prezzijiet. Minħabba spejjeż għoljin, 47% tan-negozji intervistati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom, u perċentwal ugwali ma rrappurtaw l-ebda bidla fil-prezzijiet. 6% biss ta’ dawk li wieġbu rrappurtaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ.

Fir-raba’ kwart, 78% ta’ dawk li wieġbu qalu li komplew il-pjanijiet tagħhom ta’ investiment kif skedat, filwaqt li 14% rrappurtaw posponiment. Il-proporzjon ta’ dawk li wieġbu li l-pjanijiet ta’ investiment ġew ikkanċellati naqas marġinalment għal 2%.
Fid-dawl ta’ kundizzjonijiet pożittivi, 38% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema, marġinalment ogħla minn 37% fil-kwart ta’ qabel. Madankollu, in-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll silta li tiddeskrivi riżultati inizjali miġbura minn stħarriġ pilota ma’ sbatax-il kumpanija dwar l-impatt ta’ Brexit fuq in-negozji. Ftit inqas min-nofs ta’ dawk li wieġbu qalu li esperjenzaw impatt negattiv minħabba l-Brexit, b'mod partikolari minħabba spejjeż ogħla, aktar regolamenti, kif ukoll aktar dewmien fil-wasla ta’ kunsinni.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.
Lura lejn l-Arkivju