News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

17/08/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tbassir tiegħu ta’ Awwissu

Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) jistenna li l-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta ser jikber b'5.1% fl-2021, b'5.9% fl-2022, u b'4.7% fl-2023. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut 'il fuq b'0.2 ta' punt perċentwali fl-2021 u b'0.4 ta' punt perċentwali fl-2022.

Ir-reviżjoni 'l fuq fl-2021 hija xprunata primarjament minn tkabbir aktar b'saħħtu milli kien mistenni fil konsum privat u fl-esportazzjoni li mhix turistika, li jirriflettu, rispettivament, titjib fis-sentiment tal-konsumatur minħabba r-rata ogħla ta' tilqim u domanda ogħla minn barra. Dawn il-fatturi favorevoli jpattu għal esportazzjoni mit-turiżmu aktar kajmana minn dik prevista fl-eżerċizzju ta' tbassir ta' Ġunju 2021. Minbarra dan, in-nuqqas ta' ħaddiema hu mistenni li jillimita r-ritmu tal-irkupru fl-2021. Dawn il-fatturi għandhom jkunu inqas rilevanti fl-2022 hekk kif il-progress fit-tilqim fl-imsieħba kummerċjali għandu jikkontribwixxi għall-irkupru fl-ivvjaġġar. Għalhekk, fl-2022, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut 'il fuq b'mod aktar sinifikanti milli fl-2021.

B'mod ġenerali, id-domanda domestika hija mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir, għalkemm l-irkupru fil-komponenti kollha tad-domanda ser jiġi parzjalment assorbit minn żieda fl-importazzjoni. L-esportazzjoni netta hija mistennija li tħalli impatt negattiv iżgħar fuq it-tkabbir fil-PDG fl-2021, hekk kif id-domanda barranija tibda tirkupra, b'kontribut pożittiv minn hemm 'il quddiem. Madankollu, il-prospetti għas-settur tat-turiżmu għadhom kawti ħafna u ġew riveduti 'l isfel.

Is-suq tax-xogħol huwa mistenni li jibqa' reżiljenti kif kien fl-2020. Madankollu, it-tkabbir fl-impjiegi huwa mistenni li jkun moderat fl-2021, parzjalment minħabba li l-flussi ta' migrazzjoni netta jibqgħu limitati minħabba xi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Is-sigħat tax-xogħol huma mistennija li jerġgħu lura gradwalment għan-normal. It-tkabbir fl-impjiegi għalhekk mistenni jbatti għal 1.1% din is-sena, u jirpilja gradwalment fis-snin ta' wara u jilħaq it-2.9% fl-2023. Il-qgħad huwa mistenni li jonqos għal 3.5%, li jkun ifisser livell rekord baxx ġdid għal Malta. It-tkabbir fil-pagi mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti matul il-perjodu tat-tbassir u jaqbeż l-inflazzjoni b'mod konsistenti.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hi mistennija li tinżel għal 0.5% fl-2021, minn 0.8% fl-2020, primarjament minħabba fatturi tekniċi. L-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP hi mistennija li titla' għal 1.8% sal-2023 minħabba rkupru fl-attività ekonomika, li mistennija tgħolli aktar il-prezzijiet tas-servizzi u tal-prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija.

Il-politika fiskali hija mbassra li tibqa' espansiva ħafna fl-2021, parzjalment xprunata mill-estensjoni tal-għajnuna relatata mal-COVID-19. Fl-2021, id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jonqos bi ftit għal 9.9% tal-PDG. Id-defiċit huwa mistenni li jonqos sostanzjalment matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir hekk kif jiskadu l-miżuri tal-COVID-19 u jkomplu jitjiebu aktar il-kundizzjonijiet ekonomiċi. Sal-2023, huwa mistenni li jonqos għal 4.1% tal-PDG. Minħabba li d-defiċit fiskali huwa mistenni li jiddomina matul il-perjodu tat-tbassir, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 63.8% sal-2023.

B'mod ġenerali, ir-riskji għall-attività ekonomika huma meqjusa li jxaqilbu 'l fuq. B'mod partikolari, il-proporzjon tat-tfaddil qiegħed f'livelli għoljin storiċi u huwa preżunt li jibqa' ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija sal-2023. Tnaqqis aktar mgħaġġel fil-proporzjon tat-tfaddil - xprunat ukoll minn żieda qawwija fid-domanda - jista' jwassal għal tkabbir aktar mgħaġġel milli mistenni fl-attività ekonomika. Min-naħa l-oħra, it-turiżmu jibqa' riskju negattiv, u l-inċertezza hija mistennija li tibqa' taffettwa sa tmiem il-perjodu ta' tbassir.

Ir-riskji għall-inflazzjoni huma meqjusa li jxaqilbu 'l fuq u jirriflettu l-possibbiltà ta' trażmissjoni aktar mgħaġġla taż-żieda riċenti fl-ispejjeż tat-trasport fil-prezzijiet għall-konsumatur. Il-finanzi pubbliċi jistgħu juru defiċit akbar minn dak imbassar  primarjament minħabba l-ħtieġa li tingħata għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru nazzjonali.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet. L-ewwel silta telabora fuq it-tbassir dwar it-turiżmu adottat f'dan iċ-ċiklu ta' tbassir. Dan juri li l-esportazzjoni marbuta mat-turiżmu hija mbassra li tibqa' sew taħt il-livell tal-2019 din is-sena. Din imbagħad hi mistennija li tirkupra gradwalment matul is-sentejn li ġejjin iżda tibqa' taħt il-livell ta' qabel il-pandemija. It‑tieni silta tqabbel it-tbassir tal-PDG l-aktar riċenti tal-Bank ma' dawk ta' istituzzjonijiet oħra u tindika li t-tbassir tal-Bank huwa qrib il-medja ta' dan it-tbassir.

Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju