News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
13/04/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport Annwali għas-sena 2020
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r-Rapport Annwali tiegħu għas-sena 2020 li jinkludi r-rapporti finanzjarji dettaljati. Ir-Rapport jiftaħ bi stqarrija tal-Gvernatur u jkompli b'analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, u tal-politika u l-operat tal-Bank.
Ir-Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il-kundizzjonijiet għall-finanzjament li jaffettwaw lill-kumpaniji f'Malta, is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u l-karta tal-bilanċ ta' setturi istituzzjonali differenti. Ir-Rapport jippreżenta wkoll - għall-ewwel darba - analiżi tal-iżviluppi settorjali fil-produttività tax-xogħol u l-ispejjeż għal kull unità tax-xogħol bl-użu ta' statistika uffiċjali ġdida.
Ir-Rapport jinnota li l-ekonomija globali ntlaqtet minn skoss ekonomiku serju minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-attività naqset b'ritmu bla preċedent u affettwat lis-settur tas-servizzi b'mod predominanti. Għalkemm setturi oħra raw impatt inqas qawwi, ġew affettwati b'mod negattiv ukoll minn restrizzjonijiet mal-fruntieri, obbligi ta' kwarantina u tfixkil fil-ktajjen ta' valur globali. It-tnaqqis fl-attività ħoloq ukoll xi volatilità fis-suq finanzjarju. Madankollu, dan kien imtaffi parzjalment minn bidliet regolatorji li seħħew fil-perjodu ta' wara l-kriżi finanzjarja globali, iżda wkoll bħala riżultat ta' appoġġ ta' likwidità bla preċedent lis-settur bankarju filwaqt li ċerti rekwiżiti regolatorji ġew imnaqqsa temporanjament mill-awtoritajiet relevanti. Fil-fatt, is-settur bankarju kien strumentali fl-appoġġ tas-settur privat - permezz ta' moratorji fuq ħlasijiet lura tas-self u l-fluss kontinwu bla xkiel tal-kreditu permezz tal-likwidità pprovduta mill-banek ċentrali.
Il-pandemija interrompiet ix-xejra ta' tkabbir b'saħħtu li kkaratterizza l-ekonomija Maltija f'dawn l-aħħar snin. Fil-fatt, il-prodott domestiku gross (PDG) naqas b'7.0%, l-aktar minħabba esportazzjoni netta aktar baxxa. Id-domanda domestika wkoll naqset iżda b'inqas, minħabba l-livell bla preċedent ta' sostenn fiskali, li evita tnaqqis aktar qawwi fil-konsum privat.
Minkejja t-tnaqqis fil-produzzjoni, l-impjiegi komplew jiżdiedu - għalkemm b'rata inqas mgħaġġla minn snin preċedenti - bl-Iskema tas-Suppliment tal-Pagi tal-Gvern implimentata biex tipprevjeni sensji fuq skala kbira. Minkejja li r-rata tal-qgħad telgħet bi ftit għal 4.3%, baqgħet ferm taħt il-medja storika tagħha u sostanzjalment aktar baxxa mir-rata medja fiż-żona tal-euro.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur naqset għal 0.8% fl-2020, minn 1.5% fl-2019. Dan primarjament jirrifletti tkabbir inqas mgħaġġel fil-prezzijiet tas-servizzi u tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut uriet żvilupp simili u naqset għal 0.6% minn 1.6% fl-2019.
Il-finanzi pubbliċi ddeterjoraw drastikament fl-2020, u dan jirrifletti parzjalment it-tnaqqis fl-attività ekonomika, kif ukoll l-introduzzjoni ta' sostenn fiskali relatat mal-COVID-19. Il-Bank jistma li l-bilanċ fiskali ser juri defiċit ta' kważi 9.5% tal-PDG fl-2020. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali tela' għal madwar 55.3% tal-PDG, filwaqt li baqa' ferm taħt il-medja taż-żona tal-euro. Il-pandemija ħalliet ukoll l-effett tagħha fuq il-bilanċ tal-kont kurrenti, li huwa stmat li rreġistra defiċit għall-ewwel darba f'erba' snin.
Ir-Rapport jinnota li - minħabba li l-kapaċità produttiva tal-pajjiż baqgħet relattivament intatta - ladarba d-domanda barranija tirkupra u tintemm l-inċertezza li qed tippersisti madwar il-kriżi medika, l-ekonomija Maltija tista' tkun mistennija li tirkupra mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Bank jistenna li l-livelli tal-PDG ta' qabel il-pandemija jintlaħqu lejn tmiem l-2022, bil-kundizzjoni li t-tnedija ta' vaċċin fl-2021 tkun suċċess. Il-pressjonijiet inflazzjonarji huma mistennija li jibqgħu mrażżnin ħafna fl-2021, iżda għandhom jibdew jirpiljaw mill-2022 hekk kif il-kundizzjonijiet tad-domanda jitjiebu. Id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jonqos matul il-perjodu tat-tbassir. Id-dejn tal-gvern huwa mistenni li jilħaq is-60.3% tal-PDG sal-2023.
Iż-żieda riċenti fir-rati ta' infezzjonijiet bil-COVID-19, kemm f'Malta kif ukoll fl-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha, li wasslet għal miżuri ta' trażżin aktar stretti, tippreżenta riskju negattiv għall-attività fil-perjodu fil-qrib u għall-finanzi pubbliċi. Ir-riskji huma mistennija jkunu aktar ibbilanċjati wara l-2021, hekk kif l-implimentazzjoni ta' programmi ta' tilqim għandha tippermetti rkupru ekonomiku usa' f'konformità mal-aspettattivi tal-Bank.

Matul is-sena, il-Bank kompla jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema f'Malta, permezz tal-faċilitajiet permanenti, operazzjonijiet għall-provvediment ta' likwidità u x-xiri ta' assi. Għalkemm l-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti f'Malta pparteċipaw darba biss fl-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, huma għamlu aktar użu minn operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq perjodu ta' żmien twil meta mqabbla mal-2019, parzjalment minħabba sapport ġdid relatat mal-pandemija pprovdut mill-Eurosistema. Żdied ukoll l-użu tal-operazzjonijiet ta' likwidità fid-dollaru Amerikan tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Bħal fl-2019, l-istituzzjonijiet ta' kreditu Maltin ma użawx il-faċilità tas-self marġinali, filwaqt li naqas l-użu tal-faċilità ta' depożitu.
Il-Bank xtara bonds tal-gvern taħt il-programm ta' xiri mingħand is-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP). Il-Bank xtara €85.0 miljun f'bonds tal-Gvern Malti taħt il-PSPP u €235.9 miljun taħt il-PEPP. Il-Bank għamel ukoll xiri addizzjonali taħt iż-żewġ programmi għall-portafolji tal-BĊE.
Il-karta tal-bilanċ tal-Bank kompliet tikber għal €10,035.4 miljun fl-aħħar tal-2020, minn €9,288.2 miljun sena qabel. Il-qligħ mill-operat qabel it-trasferimenti għal provvedimenti naqas għal €42.8 miljun minn €49.5 miljun fl-2019. Wara t-trasferiment ta' €9.8 miljun għal provvedimenti, l-ammont ta' €33.0 miljun huwa pagabbli lill-Gvern ta' Malta, żieda minn €31.5 miljun sena qabel.
Il-Bank kompla jagħti parir lill-gvern dwar żviluppi leġiżlattivi u regolatorji relatati mal-istabbiltà finanzjarja u jissorvelja l-kundizzjonijiet fis-settur finanzjarju. Bħal fis-snin li għaddew, il-Bank baqa' attiv ukoll f'fora lokali u internazzjonali b'responsabbiltajiet f'dawn l-oqsma u kompla jissorvelja l-iżviluppi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-Bank kien attiv ħafna f'termini ta' politiki makroprudenzjali mmirati biex jiżguraw li s-sistema finanzjarja lokali tkun tista' tappoġġja aħjar l-ekonomija matul il-pandemija. Inħarġet Direttiva ġdida Nru 18 dwar Moratorji fuq Faċilitajiet ta' Kreditu f'Ċirkostanzi Eċċezzjonali li tiddefinixxi l-eliġibbiltà għall-moratorju u t-trattament prudenzjali tas-self soġġett għall-moratorji. Ċerti rekwiżiti dwar miżuri tas-self skont id-Direttiva Nru 16 ġew temporanjament rilassati jew sospiżi, u ġew applikati arranġamenti ta' introduzzjoni gradwali għal ċerti istituzzjonijiet fir-rigward tar-rati ta' riżerva sistemikament importanti applikabbli. Il-qafas tal-ittestjar tal-istress issaħħaħ b'xenarji addizzjonali relatati mal-pandemija, filwaqt li d-Direttiva Nru 11 dwar il-Politika Makroprudenzjali ġiet emendata biex tittrasponi elementi tar-reviżjoni tad-Direttiva tar-Rekwiżiti Kapitali fil-kompetenza tal-Bank.
Il-Bank offra, fuq pjattaforma onlajn, lekċers pubbliċi relatati mal-ekonomija u l-finanzi, kif ukoll is-Simpożju Annwali tiegħu tar-Riċerka li ffoka fuq il-migrazzjoni. Il-Bank kompla jaħdem mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq ir-raba' ċiklu tal-Istħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Households. Il-Bank baqa' attiv fid-diskussjonijiet dwar il-politika ekonomika - pereżempju billi kkontribwixxa fil-ħidma tal-Bord Nazzjonali għall-Produttività - u żied il-kuntatti tiegħu ma' istituzzjonijiet privati u pubbliċi sabiex iżomm ruħu aġġornat dwar ir-rispons tal-ekonomija għall-pandemija.
Il-Bank kompla jiġbor u jiċċirkola l-istatistika għall-istituzzjonijiet uffiċjali u l-pubbliku inġenerali. Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija, ingħataw derogi għal ċerti kategoriji ta' setturi finanzjarji li jirrapportaw - filwaqt li nġabret statistika addizzjonali, bħal dwar moratorji fuq is-self u l-parteċipazzjoni fil-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme. L-istatistika dwar il-fondi tal-pensjonijiet inġabret ukoll għall-ewwel darba. Sadattant, inħarġet Direttiva ġdida Nru 15 dwar is-Superviżjoni tal-Aġenziji ta' Referenza tal-Kreditu sabiex jiġi affermat l-irwol tal-Bank bħala l-awtorità superviżorja tal-aġenziji ta' referenza tal-kreditu.
Il-Bank ħareġ ukoll id-Direttiva Nru 17 dwar miżuri ta' kontinwità tal-operat li jikkonċernaw id-depożitu u l-ġbid ta' flus kontanti, id-depożitu u l-ħlas ta' strumenti bbażati fuq il-karti, u l-provvista ta' servizzi permezz ta' mezzi alternattivi ta' distribuzzjoni biex il-pubbliku jingħata sapport aħjar fil-ħtiġijiet bankarji tiegħu matul il-pandemija. Il-Bank implimenta wkoll infrastruttura ġdida ta' pagamenti u beda joffri servizzi ta' aġenziji lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji għall-ħlas ta' pagamenti bl-imnut bl-euro. Sadattant, il-Bank issorvelja l-implimentazzjoni lokali tar-rekwiżiti dwar l-awtentiċità stipulati fid-Direttiva Nru 2 dwar is-Servizzi ta' Pagament.
Il-Bank baqa' attiv kemm jista' jkun fl-isferi kollha ta' responsabbiltà soċjali korporattiva, billi pprovda sapport filantropiku lil diversi istituzzjonijiet u stabbilixxa numru ta' miżuri lejn ekonomija globali sostenibbli, parzjalment permezz ta' żieda fl-espożizzjoni tiegħu għal bonds ekoloġiċi u soċjali fil-portafoll tiegħu tal-assi finanzjarji. Il-Bank għamel ukoll investiment sostanzjali biex jiżgura ambjent b'saħħtu u sigur għall-impjegati tal-Bank u biex jiżgura li jista' jkompli jipprovdi servizzi essenzjali.
B'ħarsa 'l quddiem, il-Bank ser ikompli jissorvelja mill-qrib l-ekonomija u s-sistema finanzjarja, u jiċċirkola l-analiżi u r-riċerka tiegħu lill-pubbliku inġenerali. Fl-2021, il-Bank ser ikompli jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Eurosistema dwar ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE u jikkontribwixxi lejn l-istabbiltà fil-prezzijiet u dik finanzjarja.
Ir-Rapport Annwali għall-2020 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju