News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
31/12/2020
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jemenda d-Direttiva Nru 8
B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, fis-7 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li b’mod temporanju jippermetti estensjoni tal-oqfsa ta’ Talbiet ta’ Kreditu Addizzjonali (l-‘oqfsa tal-ACC’) bil-possibbiltà għall-banek ċentrali nazzjonali li jinkludu self sostnut minn garanziji tas-settur pubbliku relatati mal-COVID-19 lil kumpaniji, SMEs, ħaddiema self-employed, u lill-individwi. L-estensjoni temporanja għall-oqfsa tal-ACC tfittex li tippermetti aktar tnaqqis ta’ ċerti rekwiżiti għall-aċċettazzjoni tas-self.
Fid-dawl ta’ dan, il-Bank Ċentrali ta' Malta stabbilixxa qafas ġdid tal-ACC għal klejms individwali tal-kreditu mogħtijin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu f’Malta li huma akkreditati mill-Malta Development Bank taħt il-COVID-19 Government Guarantee Scheme. Għal dan il-għan, il-Bank implimenta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-qafas domestiku tal-ACC kif approvati mill-Kunsill Governattiv permezz tal-emendi li saru fid-Direttiva Nru 8 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja.
L-emendi li saru fid-Direttiva jinkudu dawn li ġejjin:
1. L-aċċettazzjoni tal-Bank tal-ACCs bħala garanzija għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema; u
2. L-introduzzjoni ta’ Annex ġdida Nru 15 fid-Direttiva, li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-qafas domestiku tal-ACC.
L-emendi msemmijin hawn fuq huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021.
Lura lejn l-Arkivju