News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
28/12/2020
Il-Bank jordna ktieb dwar il-karti tal-flus, għal persuni b’insuffiċjenza fil-vista
Il-Bank Ċentrali tal-Italja riċentement ippubblika ktieb eċċezzjonali dwar il-karti tal-flus, speċifikament prodott għal persuni b'insuffiċjenza fil-vista, li sar disponibbli għall-banek ċentrali nazzjonali fl-UE.
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ħataf din l-opportunità u ħa dan il-ktieb għand is-Soċjetà tal-Għomja. Ir-reazzjoni kienet pożittiva - u d-domanda għalih mill-membri tas-Soċjetà kienet kbira - tant li l-Bank ordna kopja li ser tinżamm fil-Librerija tiegħu għal diversi opportunitajiet ta' outreach. Il-Bank ser javża lill-pubbliku meta jasal.
The Banknote of the Senses: touch with your eyes, look with your hands jippermetti lin-nies mhux biss jirrikonoxxu l-karatteristiċi tas-sigurtà tal-karti tal-flus iżda wkoll isiru jafu aktar dwar il-karatteristiċi ġenerali tad-disinn tal-karti tal-flus. Il-ktieb, l-ewwel tax-xorta tiegħu fuq is-suġġett, jgħaqqad test stampat u bil-Braille ma' illustrazzjonijiet imqabbżin 'il barra.
John Gafà, is-segretarju tas-Soċjetà, iddeskriva l-ktieb bħala kapulavur tal-arti u edukattiv. Hu qal "li l-persuni li ilhom għomja għal ħafna snin esperjenzaw għall-ewwel darba l-emblema '€' u ħafna iktar dwar is-sistema monetarja tagħna". Is-Soċjetà għandha 75 membru rreġistrat iżda tagħti wkoll sapport lil ħafna oħrajn li jfittxu l-għajnuna tagħha.
Kien hemm 1,626 persuna b'indeboliment relatat mal-vista rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità fl-aħħar ta' Diċembru 2019.
Lura lejn l-Arkivju