News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

01/12/2020

Il-Konnessjonijiet bl-ajru fattur kruċjali fl-irkupru tat-turiżmu

Jekk Malta trid tibbenefika mill-irkupru eventwali ta' wara l-COVID-19, ikun kruċjali għall-gżira li tistabbilixxi mill-ġdid jew tirkupra n-numru sinifikanti ta konnessjonijiet diretti bl-ajru li ntilfu waqt il-pandemija, skont policy note li ħareġ il-Bank Ċentrali ta' Malta.

Fl-2005, Malta kellha 84 konnessjoni diretta bl-ajru iżda dan tjieb drastikament sal-2019 għal 125. It-titjib deher ukoll f'termini ta' tixrid bejn il-pajjiżi, b'Malta jkollha titjiriet diretti lejn 27 pajjiż fl-2005, u 40 fl-2019 - bil-Libja tkun l-unika destinazzjoni li titlef il-konnessjoni tagħha matul il-perjodu.

Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sostanzjali fuq il-konnettività bl-ajru: fl-2020 intilfu aktar minn 50 konnessjoni bl-ajru, għal b'madwar 70 biss jibqgħu attivi. Dawk li ntilfu jinkludu konnessjonijiet ma' ċentri kbar bħal Doha u Dubaj, li jfixklu l-konnettività indiretta offruta minn dawn iċ-ċentri, partikolarment lejn l-Asja u l-Awstralja.

Il-konnettività bl-ajru għandha rwol kruċjali fl-iffaċilitar tal-iżvilupp ekonomiku permezz ta' diversi mezzi - bħall-industriji tat-turiżmu u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru - kif ukoll impatti indiretti u kkaġunati - u dawk fejn il-konnettività taġixxi bħala katalista. Ir-relazzjoni bejn il-konnettività bl-ajru u l-ekonomija tmur fiż-żewġ direzzjonijiet, bħal pereżempju, l-iżvilupp ta' infrastruttura bħall-ajruporti tipprovdi opportunità għall-promozzjoni tal-esportazzjonijiet (bħat-turiżmu), ittejjeb l-operat u l-produttività tan-negozji, u kif ukoll tinfluwenza l-post u d-deċiżjonijiet ta' investiment tal-kumpaniji.

Il-policy note enfasizzat li dawk li jfasslu l-politika għandhom jagħmlu ħilithom sabiex iżommu u jtejbu l-konnettività lejn ċentri kbar.

"Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 ħassret numru sinifikanti ta' konnessjonijiet diretti minn Malta, inklużi konnessjonijiet lejn ċentri importanti, l-iżvilupp mill-ġdid ta' dawn il-konnessjonijiet jew il-bidu ta' konnessjonijiet alternattivi, ser ikun kruċjali għall-ekonomija sabiex tibbenefika mill-irkupru globali eventwali f'xenarju postpandemiku," tikkonkludi l-policy note.

  • It-trasport globali bl-ajru fuq żmien twil għadu mistenni li jikber b'5% kull sena sal-2030 (Kummissjoni Ewropea, 2020).
  • L-avjazzjoni tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ekonomija u s-suq tax-xogħol tal-UE, b'kontribut li hu stmat fil-livell ta' €300 biljun u li jammonta għal 2.1% tal-PDG tal-UE (Kummissjoni Ewropea, 2020).
  • 56% tal-kumpaniji (Healey u Baker, 2003) josservaw li jqisu l-konnessjonijiet tat-trasport internazzjonali bħala fattur essenzjali għan-negozju fl-Ewropa.
  • IATA (2005) turi li 18% tad-deċiżjonijiet ta' investiment meħudin fil-passat tan-negozji kienu direttament influwenzati min-nuqqas ta' konnessjonijiet tajbin ta' trasport bl-ajru, speċjalment f'setturi ta' teknoloġija avvanzata.
  • 28% tal-kumpaniji jemmnu li l-innovazzjoni u l-investiment fl-R&D ser jiġu affettwati negattivament minn konnettività limitata bl-ajru.
  • Aktar minn 43% tal-individwi (IATA, 2005) qalu li konnettività tajba bl-ajru tinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom dwar fejn jgħixu u jaħdmu.

Air Connectivity

KONNETTIVITÀ: SEJBIET EWLENIN MILL-ISTUDJU

Kien hemm ċaqliq ċar minn operaturi tan-network għal operaturi low-cost mill-2005 sal-2019. Madankollu, l-analiżi tal-fluss tal-passiġġieri turi li konnessjonijiet lejn ċentri importanti u ajruporti kbar – ħafna drabi moqdijin esklussivament minn operaturi tan-network – għandhom rwol ewlieni.

M’hemm l-ebda konnessjoni diretta lejn destinazzjonijiet fuq distanzi twal, definiti bħala destinazzjonijiet li jirrikjedu titjira itwal minn sitt sigħat jew li jinsabu aktar minn 4,100 kilometru ’l bogħod. Madankollu, kważi kull pajjiż fil-kontinenti kollha jinsab żewġ titjiriet biss ’il bogħod permezz ta’ 12-il ċentru kbir, li jenfasizza l-importanza tal-konnettività għal dawn iċ-ċentri.

L-istudju jidentifika li l-ajruporti moqdijin minn operaturi tan-network huma użati minn aktar passiġġieri milli ajruporti moqdijin esklussivament minn operaturi low-cost. B’hekk tal-ewwel huwa iktar importanti mil-lat ekonomiku. Fl-2019, 90 minn 125 konnessjoni kienu moqdijin, jew esklussivament jew parzjalment, minn operaturi low-cost. Sadattant, 37 konnessjoni biss kienu moqdijin biss minn operaturi tan-network.

Il-proporzjon ta’ ċaqliq tal-passiġġieri mill-operaturi low-cost ammonta għal 49.3% tat-total għall-2016, filwaqt li l-operaturi tan-network kienu responsabbli għal 48.3% f’dik is-sena. Il-kumplament taċ-ċaqliq tal-passiġġieri huwa relatat ma’ linji tal-ajru oħrajn tat-tip charter li joperaw minn u lejn Malta.

Dawn il-fatturi jispjegaw kif ċentri Ewropej kbar bħall-ajruporti ta’ Gatwick u Heathrow ta’ Londra, Fiumicino ta’ Ruma, ta’ Frankfurt u Munich fost oħrajn huma intrinsikament aktar importanti għall-gżira milli konnessjonijiet low-cost oħrajn madwar l-Ewropa.

Il-policy note tanalizza wkoll il-livelli ta’ attività ta’ diversi linji tal-ajru, xenarju li nbidel drammatikament sa mill-2005. Fl-2005, l-Air Malta bla dubju kienet l-iktar linja tal-ajru dominanti li topera mill-gżejjer Maltin, responsabbli għal 57% taċ-ċaqliq kollu tal-passiġġieri. Mill-introduzzjoni tal-operaturi low-cost fl-2006, il-proporzjon tal-Air Malta niżel drastikament u kien fil-livell ta’ 28% fl-2017.

Għar-Ryanair, min-naħa l-oħra, iċ-ċaqliq tal-passiġġieri tela’ minn 1% biss mal-bidu tal-operat tal-linja tal-ajru minn Malta fl-2006 għal 36% fl-2017. Il-linja tal-ajru Irlandiża telgħet minn żewġ konnessjonijiet fl-2006 għal aktar minn 60 konnessjoni fl-2019.

Il-Lufthansa kienet responsabbli għal 4% taċ-ċaqliq kollu tal-passiġġieri, bil-proporzjon tagħha jibqa’ relattivament stabbli mill-2005, li jvarja bejn 3% u 5%.

L-Easyjet ma esperjenzatx l-istess tkabbir bħar-Ryanair, bil-proporzjon tagħha jinżel għal 5% fl-2017.

Min-naħa l-oħra, il-Wizzair bdiet topera fl-2013 u żiedet il-proporzjon tagħha taċ-ċaqliq tal-passiġġieri b’mod konsistenti u laħqet il-5% fl-2017. Il-Wizzair bdiet b’rotta waħda lejn Budapest. Sal-2019, il-linja tal-ajru offriet għaxar destinazzjonijiet f’seba’ pajjiżi.

Konnessjonijiet Diretti minn Malta (2005 vs 2020)

Panel A: 2005

Air Connectivity - Panel A

Il-marki ħomor jirrappreżentaw konnessjonijiet moqdijin minn operaturi tan-network.

Panel B: 2019

 Air Connectivity - Panel B

Il-marki ħomor jirrappreżentaw konnessjonijiet moqdijin minn operaturi tan-network. Il-marki blu jirrappreżentaw konessjonijiet moqdijin minn operaturi tan-network kif ukoll operaturi low-cost.

Sors: Awtur.

Panel Ċ: 2020

Air Connectivity - Panel C

Il-marki ħomor jirrappreżentaw konnessjonijiet moqdijin minn operaturi tan-network. Il-marki blu jirrappreżentaw konessjonijiet moqdijin minn operaturi tan-network kif ukoll operaturi low-cost. 

Sors: Awtur.

Lura lejn l-Arkivju