News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
20/11/2020
Ir-rati tal-kirjiet tal-proprjetà residenzjali naqsu bi 11% fit-tieni trimestru tal-2020
Riċerka li saret minn ekonomisti tal‑Bank Ċentrali ta' Malta turi li t‑tkabbir fir‑rati tal‑kirjiet kien inqas mgħaġġel fl‑2019 milli fis‑sena ta' qabel, għalkemm baqa' f'livelli għoljin minn perspettiva storika. Fl‑2020, tkabbir inqas mgħaġġel fir‑rati tal‑kirijiet kompla jiżdied bl‑effetti tal‑COVID‑19, li wasslu għal tnaqqis ta' 11% matul it‑tieni trimestru.
Minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19, it‑tkabbir annwali tar‑rati tal‑kirjiet sar negattiv matul l‑ewwel trimestru tal‑2020, fejn ir‑rati tal‑kirjiet irreklamati kienu bejn 3% u 3.5% inqas milli kienu fit‑trimestru korrispondenti tal‑2019. Fit‑tieni trimestru tal‑2020 kien osservat tnaqqis aktar qawwi fir‑rati tal‑kirjiet fejn niżlu bi 11%. Dan il‑perjodu beda jirrifletti b'mod aktar sħiħ l‑impatt tal‑miżuri ta' trażżin madwar id‑dinja kollha, inkluż f'Malta, sabiex tiġi indirizzata l‑imxija tal‑COVID‑19, bit‑tnaqqis fir‑rati xprunat minn taħlita ta' tnaqqis fid‑domanda għal unitajiet għall‑kiri u żieda fil‑provvista tal‑istess unitajiet fis‑suq.
Ir‑Research Bulletin annwali tal‑Bank jinkludi artiklu dettaljat li jispjega l‑iżvilupp ta' indiċi aġġustat għall‑kwalità tal‑kera ta' proprjetà immobbli, kif ukoll artiklu dwar ir‑rabtiet bejn il‑prezzijiet tad‑djar, l‑influss ta' ħaddiema barranin u l‑konsum domestiku. Ir‑Research Bulletin jinkludi wkoll tqabbil tar‑riżultati tal‑Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Households (HFCS) ta' Malta ma' dawk tal‑istati membri taż‑żona tal‑euro u pajjiżi parteċipanti oħrajn mill‑UE, u estensjoni ta' wieħed mill‑mudelli makroekonometriċi użati mill‑Bank, magħruf bħala STREAM.
Il‑metodu innovattiv tal‑Bank biex janalizza is‑suq tal‑kiri tal‑proprjetà immobbli residenzjali jibbaża fuq l‑użu tal‑'Big Data' minn sorsi disponibbli pubblikament sabiex jifhem aħjar l‑evoluzzjoni tal‑kirjiet tas‑settur privat wara li jkun ikkonsidra l‑aġġustamenti għall‑kwalità. Id‑database issa jinkludi lista ta' 21,883 rata tal‑kiri rreklamati, u jikkonsidra d‑dettalji dwar it‑tip ta' proprjetà, il‑lokalità, il‑kobor u attributi oħra li jistgħu jħallu impatt fuq ir‑rati tal‑kiri.
"Sal-aħħar trimestru tal-2018, id-database kien jikkonsisti biss minn żewġ tipi ta' proprjetajiet - appartamenti u maisonettes - flimkien ma' informazzjoni dwar il-lokalità li fiha tinsab il-proprjetà u n-numru ta' kmamar tas-sodda.
"Bħala parti minn sforzi kontinwi sabiex jissaħħaħ id-database, mill-ewwel trimestru tal-2019, din l-informazzjoni ġiet imsaħħa bil-ġbir ta' data dwar penthouses, aktar lokalitajiet li qabel ma kinux inkorporati, u karatteristiċi oħrajn tal-proprjetà.
"B'mod partikolari, bdejna niġbru informazzjoni dwar attributi oħrajn tal-proprjetajiet bħalma huma garaxx, ġnien jew pool u jekk humiex ma' xatt il-baħar jew viċin il-baħar, jew b'xi veduta", spjegaw l-awturi tal-artiklu.
Dan il‑metodu jista' jintuża kemm għall‑istima ta' valutazzjoni żejda jew sottovalutazzjoni ta' rati tal‑kiri u kemm sabiex jinbnew ir‑rati tat‑tkabbir tar‑rati tal‑kiri tas‑settur privat aġġustati għall‑kwalità maż‑żmien.
KONT TAF?
- Meta mqabblin mal‑appartamenti, il‑penthouses ġeneralment jattiraw primjum ta' bejn 23% u 27%.
- Il‑biċċa l‑kbira tal‑proprjetajiet irreklamati għall‑kiri huma proprjetajiet b'żewġ kmamar tas‑sodda (40%) u bi tliet kmamar tas‑sodda (46%). Madwar 12% tal‑proprjetajiet għandhom kamra tas‑sodda waħda, filwaqt li numru limitat ħafna ta' proprjetajiet (ftit inqas minn 2%) għandhom erba' kmamar tas‑sodda jew aktar.
- Ir‑rati tal‑kiri għal proprjetajiet b'żewġ u tliet kmamar tas‑sodda huma madwar 35% u 65% ogħla mill‑punt ta' riferiment ta' proprjetajiet b'kamra tas‑sodda waħda.
- In‑numru ta' proprjetajiet irreklamati li jinkludu garaxx, ġnien jew pool jammontaw għal 3%, 1% u 2%, rispettivament.
- Proprjetà viċin il‑baħar għandha primjum ta' 15%, filwaqt li d‑disponibbiltà ta' garaxx tinkludi primjum ta' 13%.
Ir‑Research Bulletin sħiħ jinsab fis‑sezzjoni tal‑Pubblikazzjonijiet fis‑sit elettroniku tal‑Bank. Jista' jitniżżel minn hawnhekk.
Punti ewlenin mill‑artikli l‑oħrajn:
Fl‑2016, il‑household medjan Malti kellu iktar assi reali u finanzjarji u aktar obbligazzjonijiet totali minn households fil‑biċċa l‑kbira tal‑pajjiżi fiż‑żona tal‑euro u pajjiżi oħra fl‑UE, għalkemm relattivament kien hemm inqas households b'dejn meta mqabblin mal‑biċċa l‑kbira tal‑pajjiżi li pparteċipaw f'dan l‑istħarriġ. Dawn kienu wħud mis‑sejbiet mit‑tielet wave tal‑HFCS li kien ikkordinat mill‑BĊE għal Malta. Is-sejbiet kienu mqabblin ma' dawk ta' membri tal‑Eurosistema u parteċipanti oħrajn mill‑kumplament tal‑istati membri tal‑UE.
Artiklu ieħor jipproponi estensjoni għal STREAM, il‑mudell makroekonometriku ewlieni tal‑Bank, billi tintuża informazzjoni settorjali minn tabelli input‑output. Din l‑estensjoni hija addizzjoni siewja għas‑sett ta' għodod ekonometriċi tal‑Bank peress li tista' tindirizza firxa ta' mistoqsijiet ekonomiċi.
Ir‑raba' artiklu janalizza r‑relazzjoni bejn il‑prezzijiet tad‑djar, il‑ħaddiema barranin, u l‑konsum domestiku permezz ta' żewġ sorsi distinti ta' tfixkil għas‑suq tad‑djar: xokkijiet fid‑domanda domestika u barranija. B'xokk fid-domanda domestika jinqabdu fatturi li jaffettwaw id‑domanda għall‑akkomodazzjoni minn residenti permanenti, bħax‑xewqa li persuna ssir sid ta' darha, inizjattivi relatati mas‑suq tad‑djar tal‑gvern, u bidliet soċjoekonomiċi, bħal separazzjonijiet u divorzji. Min‑naħa l‑oħra, xokk fid‑domanda barranija għall‑akkomodazzjoni huwa l‑kontribut innovattiv tal‑awturi biex jinqabad l‑effett tad‑domanda għall‑akkomodazzjoni minn ħaddiema barranin.
Lura lejn l-Arkivju