News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
16/11/2020
Taħriġ b'xejn dwar l-awtentiċità tal-karti tal-flus għall-bejjiegħa
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qiegħed iniedi skema ta’ taħriġ għall‑bejjiegħa sabiex iżid u jsaħħaħ il‑ħiliet ta’ min jimmaniġġja l‑flus fl‑iċċekkjar tal‑awtentiċità tal‑karti tal‑flus fil‑mument tal‑bejgħ.
It‑taħriġ qiegħed jiġi offrut b’xejn u jista’ jsir fuq il‑post jew onlajn. It‑taħriġ ġie mfassal b’tali mod li l‑bejjiegħa jistgħu jagħżlu li jħarrġu lil dawk kollha li jimmaniġġjaw il‑flus jew inkella persuna waħda li sussegwentement tkun tista’ tħarreġ lill‑oħrajn.
Malli jtemmu t‑taħriġ meħtieġ, il‑bejjiegħa ser jingħataw stiker mill‑Bank li jkunu jistgħu juruha bħala forma ta’ ċertifikazzjoni, li tkun valida għal perjodu ta’ sentejn. Bħala parti mill‑iskema, il‑Bank jista’ jipprovdi wkoll l‑aħħar tagħmir għall‑ikkalibrar kontra l‑karti tal‑flus foloz sabiex jiġi żgurat li t‑tagħmir u l‑apparat tal‑bejjiegħa jkunu kapaċi jidentifikaw il‑karti tal‑flus foloz kollha magħrufin attwalment.
Bil‑parteċipazzjoni f’din l‑iskema, il‑bejjiegħa jnaqqsu r‑riskju tagħhom ta’ telf finanzjarju u r‑riskji għar‑reputazzjoni li jirriżultaw meta jaċċettaw bla ma jafu karti tal‑fus foloz, u fl‑istess waqt isaħħu lis‑soċjetà billi jgħinu fil‑prevenzjoni tat‑tixrid tal‑karti tal‑flus foloz u r‑reat assoċjat magħhom.
Għal aktar informazzjoni dwar din l‑iskema, il‑bejjiegħa jistgħu jikkuntattjaw lill‑Bank Ċentrali ta’ Malta billi jċemplu fuq (+356) 2550 6010/1 jew billi jibagħtu email.

Lura lejn l-Arkivju