News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

13/11/2020

47% iktar ATMs per capita f'Malta milli fiż-żona tal-euro

In‑nies f’Malta għandhom ħafna iktar magni bankarji awtomatiċi (ATMs) għad‑dispożizzjoni tagħhom mill‑kontropartijiet tagħhom fiż‑żona tal‑euro, 47% aktar bħala medja.

Skont data ppubblikata għall‑2019 mill‑Fond Monetarju Internazzjonali, il‑medja għaż‑żona tal‑euro hija ta’ 65.1 għal kull 100,000 persuna, filwaqt li f’Malta l‑proporzjon huwa ta’ 96.0, skont informazzjoni ppubblikata riċentement fir‑Rivista ta’ kull tliet xhur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

L‑ATMs f’Malta huma offruti minn ħames istituzzjonijiet ta’ kreditu lokali ewlenin, u mill‑2017 ukoll minn istituzzjoni finanzjarja liċenzjata barra minn Malta.

L‑istudju li sar mill‑Bank irrapporta li kien hemm 405 ATMs f’Malta sa Diċembru 2019, għalkemm in‑numru jitla’ għal 434 f’ċerti żminijiet tas‑sena peress li ftit magni huma operati fuq bażi staġjonali filwaqt li oħrajn ġew installati temporanjament f’avvenimenti u siti oħrajn. L‑ammont żdied biss bi ftit mill‑2018, għalkemm huwa aktar mid‑doppju minn ta’ għaxar snin ilu.

Dan jirriżulta f’medja ta’ 1.28 ATMs għal kull kilometru kwadru, li – madankollu – għandhom tendenza li jkunu kkonċentrati f’żoni speċifiċi tal‑gżira, ġeneralment strateġikament lokalizzati ħdejn fergħat tal‑banek, ċentri tax‑xiri, ħwienet tal‑ikel u żoni turistiċi.

Għalkemm l‑ATMs f’Malta joffru varjetà ta’ servizzi, dawn jintużaw prinċipalment għall‑ġbid ta’ flus kontanti. Minħabba li l‑użu tal‑kards qiegħed dejjem jiżdied, speċjalment fuq l‑internet, għal skopijiet ta’ tranżazzjonijiet, jidher li l‑popolarità tal‑ATMs kellha impatt fuq in‑numru ta’ nies li kienu jmorru l‑fergħat tal‑banek sabiex jiġbdu l‑flus over the counter għal skopijiet bħal dawn.

Il‑bidla minn tranżazzjonijiet bi flus kontanti għal pagamenti online bil‑kards kienet ukoll intensifikata bil‑pandemija tal‑COVID‑19 fl‑2020 u kif ukoll biż‑żieda fl‑użu ta’ kards mingħajr kuntatt. Għalkemm hemm xejra ċara ta’ żieda fl‑użu tal‑kards mill‑pubbliku fit‑tranżazzjonijiet, għad hemm aktar prospetti għal aktar użu tal‑mezzi elettroniċi ta’ pagamenti.

Il‑volum ta’ ġbid ta’ flus kontanti bl‑użu ta’ kards maħruġin lokalment żdied minn 10.8 miljuni fl‑2010 għal 13.2‑il miljun fl‑2019, filwaqt li l‑valur żdied minn €1.1 biljun għal €1.9 biljun.

Sadattant, minħabba l‑iżviluppi demografiċi u kif ukoll iż‑żieda fit‑turiżmu, il‑volum u l‑valur tat‑tranżazzjonijiet bl‑użu ta’ kards barranin żdied drastikament minn miljun fl‑2010 għal tliet miljun tranżazzjoni fl‑2019, filwaqt li l‑valur żdied minn €154 miljun għal €402.2 miljun matul dan il‑perjodu.

Il‑valur medju għal kull ġbid ta’ flus minn ATM – bl‑użu ta’ kards residenti – żdied minn €110 għal kull tranżazzjoni fl‑2010 għal €146 għal kull tranżazzjoni fl‑2019.

ATMs

Lura lejn l-Arkivju