News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
09/11/2020
Avveniment ta' smigħ biex jinġabru fehmiet dwar l-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE
F'Jannar li għadda, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nieda reviżjoni tal‑istrateġija tal‑politika monetarja tiegħu, li l‑għan primarju kien li jassigura l‑istabbiltà fil‑prezzijiet.
Bħala parti mir‑reviżjoni wiesgħa, il‑BĊE, flimkien mal‑banek ċentrali kollha fiż‑żona tal‑euro, ser jinvolvi ruħu ma' varjetà ta' partijiet ikkonċernati, inklużi membri tal‑Parlament Ewropew, akkademiċi u rappreżentanti tas‑soċjetà ċivili.
Min‑naħa tiegħu, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jorganizza avveniment ta' smigħ virtwali għall‑pubbliku u l‑gruppi tas‑soċjetà ċivili fuq Microsoft Teams fl‑14 ta' Diċembru fis‑2pm. Ser issir preżentazzjoni qasira mill‑Bank. Madankollu, l‑għan ewlieni hu li jagħti l‑opportunità lill‑partijiet ikkonċernati sabiex jagħtu l‑fehmiet tagħhom u l‑biċċa l‑kbira tas‑sessjoni ta' sagħtejn ser tkun iddedikata għall‑interventi mill‑udjenza.
Il‑partijiet ikkonċernati jistgħu jippreferu li jibagħtu d‑dokumenti ta' pożizzjoni u r‑rispons tagħhom bil‑miktub sat‑18 ta' Diċembru fuq l‑indirizz elettroniku ddedikat li jista' jintuża wkoll sabiex tibbukkja l‑parteċipazzjoni tiegħek għall‑avveniment tal‑14 ta' Diċembru.
Il‑Bank jinkoraġġixxi lil dawk interessati f'din il‑materja importanti sabiex jaraw il‑filmat tal‑avveniment ta' smigħ tal‑BĊE li sar fil‑21 ta' Ottubru - jekk għadhom ma għamlux dan - li jista' jkun ta' għajnuna meta jiġu biex jifformulaw il‑pożizzjonijiet tagħhom. Il‑BĊE nieda wkoll il‑Portal 'Il‑BĊE Jisma'' b'ammont konsiderevoli ta' informazzjoni, inklużi preżentazzjonijiet multimedia.
Ir‑rispons mibgħut mill‑partijiet ikkonċernati ser jiġi analizzat u miġbur fil‑qosor mill‑Bank u mibgħut lill‑BĊE, u dan ser jipprovdi kontribut sinifikanti għad‑deliberazzjonijiet tal‑Kunsill Governattiv.
INFORMAZZJONI UTLI
- Il‑preżentazzjoni ser issir bl‑Ingliż iżda l‑interventi jistgħu jsiru bl‑Ingliż u bil‑Malti.
- Sabiex kulħadd ikollu ċ‑ċans jagħti l‑fehmiet tiegħu, ser nillimitaw kull intervent għal ħames minuti.
- L‑avveniment ser isir fuq Microsoft Teams. Ladarba tirreġistra, ser nibagħtulek email b'link għall‑avveniment, u kif tikklikkja fuq il‑link, għandek tkun tista' taċċessa l‑avveniment anke jekk m'għandekx Teams installat.
- Tixtieq tixxerja fuq il‑midja soċjali? Uża l‑hashtag #CBMListens
SFOND: DWAR XIEX INHI R‑REVIŻJONI TAL‑ISTRATEĠIJA?
Il‑politika monetarja hija waħda mill‑għodod prinċipali tal‑politika ekonomika. Hi tinkludi l‑użu ta' għodod immirati biex jinfluwenzaw l‑iżviluppi fil‑flus u fil‑kreditu, normalment permezz ta' bidliet fir‑rati tal‑imgħax. Iż‑żamma tal‑istabbiltà fil‑prezzijiet, jew iż‑żamma tar‑rata tal‑inflazzjoni f'livell konsistenti ma' livelli sostenibbli ta' produzzjoni u impjiegi, hija ġeneralment meqjusa bħala l‑iktar kontribut importanti li l‑politika monetarja tista' tagħmel għall‑ġid taċ‑ċittadini.
B'mod aktar speċifiku, il‑BĊE inkarigat li jżomm ir‑rati tal‑inflazzjoni taħt, imma qrib, it‑2% fil‑perjodu medju. L‑istrateġija tal‑politika monetarja tal‑BĊE ġiet adottata l‑ewwel darba fl‑1998 u diversi elementi tagħha ġew ikkjarifikati fl‑2003.
Madankollu, sa mill‑2003, iż‑żona tal‑euro u l‑ekonomija dinjija kienu għaddejjin minn bidliet strutturali profondi. It‑tkabbir ekonomiku ddgħajjef: riflessjoni ta' tnaqqis fil‑produttività u t‑tixjiħ tal‑popolazzjoni. Flimkien mal‑impatt tal‑kriżi finanzjarja globali (2007‑2008) u tal‑pandemija tal‑COVID‑19, dan wassal sabiex ir‑rati tal‑imgħax jitniżżlu għal livelli bla preċedent. Min‑naħa l‑oħra, dawn il‑livelli baxxi tal‑imgħax naqqsu l‑kapaċità tal‑BĊE u banek ċentrali ewlenin oħrajn biex jiffaċilitaw il‑politika monetarja kif jagħmlu s‑soltu, biex jirreaġixxu għal inflazzjoni li b'mod persistenti qed tkun taħt il‑mira tagħhom, permezz tal‑użu ta' strumenti konvenzjonali li jinkludu tnaqqis fir‑rata tal‑imgħax. Li jkollna inflazzjoni baxxa ħafna hija problematika għaliex tfixkel it‑tkabbir ekonomiku. B'kuntrast għal dan, storikament l‑inflazzjoni għolja kienet kwistjoni aktar urġenti. It‑theddida għas‑sostenibbiltà ambjentali, l‑aċċellerazzjoni tad‑diġitalizzazzjoni, il‑globalizzazzjoni, u l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja biddlu wkoll l‑ambjent li fih topera l‑politika monetarja.
Bħala parti mir‑reviżjoni tal‑istrateġija, il‑Kunsill Governattiv ser jeżamina kif l‑istrateġija tal‑politika monetarja sostniet l‑implimentazzjoni tal‑mandat tal‑BĊE. It‑tfassil tal‑mira tal‑istabbiltà fil‑prezzijiet, inkluż il‑livell tal‑mira tal‑inflazzjoni u l‑flessibbiltà tal‑limiti biex tintlaħaq il‑mira, ser jidher b'mod prominenti f'dan l‑eżerċizzju.
Ir‑reviżjoni ser tikkunsidra wkoll kif fatturi oħrajn - bħall‑istabbilità finanzjarja, l‑impjiegi u s‑sostenibbiltà ambjentali - jistgħu jiġu kkunsidrati fit‑twettiq tal‑mandat tal‑BĊE. Il‑Kunsill Governattiv ser janalizza l‑effettività u l‑effetti sekondarji potenzjali tal‑istrumenti tal‑politika monetarja li implimenta matul l‑aħħar għaxar snin. Ser jeżamina kif għandha tiġi aġġornata l‑analiżi tas‑sitwazzjoni ekonomika u monetarja, li permezz tagħha l‑BĊE jivvaluta r‑riskji għall‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Il‑Kunsill Governattiv ser jesplora wkoll l‑interazzjoni bejn il‑politika monetarja u dik fiskali. Fl‑aħħar, iżda ċertament mhux l‑inqas, ser jirrevedi l‑prattiċi tiegħu tal‑komunikazzjoni.
Ir‑reviżjoni tal‑istrateġija għandha tiġi konkluża sa nofs l‑2021.
Lura lejn l-Arkivju