News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
20/10/2020
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jfakkar il-Jum Dinji tal-Istatistika 2020
Flimkien ma’ diversi aġenziji nazzjonali u internazzjonali ta’ statistika, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qiegħed ifakkar il‑Jum Dinji tal‑Istatistika fl‑20 ta’ Ottubru 2020. Il‑Jum Dinji tal‑Istatistika hu inizjattiva tan‑Nazzjonijiet Uniti, bil‑għan li jiġu enfasizzati l‑kisbiet tal‑istatistika uffiċjali bbażati fuq il‑valuri ewlenin tas‑servizz, il‑professjonaliżmu u l‑integrità, filwaqt li fl‑istess ħin jissaħħu l‑għarfien u l‑fiduċja tal‑pubbliku fl‑istatistika uffiċjali.
Bħala produttur u utent ewlieni tal‑istatistika, il‑Bank għandu interess u rwol speċjali f’dan il‑qasam. B’mod partikolari, jagħmel minn kollox biex jiżgura li l‑kontribut tiegħu għall‑ġbir, għall‑kumpilazzjoni u għat‑tixrid tal‑istatistika huwa effiċjenti u ta’ livell għoli. F’dan ir‑rigward, il‑ħtiġijiet primarji tal‑Bank jitolbu statistika monetarja, finanzjarja, esterna u statistika ekonomika oħra, li jipprovdu l‑qafas għall‑irwol tiegħu ta’ konsulenza, analiżi u riċerka. Hija l‑intenzjoni tal‑Bank li jkompli jikkontribwixxi għat‑titjib u t‑tisħiħ tal‑proċess ta’ kumpilazzjoni tal‑istatistika f’Malta b’kooperazzjoni mal‑partijiet ikkonċernati.
Id‑domanda għal statistika f’waqtha u affidabbli, li kulma jmur qiegħda tiżdied, iġġib magħha l‑ħtieġa ta’ dejjem aktar ħiliet speċjalizzati fil‑qasam tal‑istatistika u l‑użu ta’ teknoloġiji ġodda. Il‑Bank investa b’mod sinifikanti fil‑pjattaforma li juża għall‑ipproċessar tal‑istatistika, bil‑konsegwenza li ssaħħew il‑proċessi tiegħu fil‑qasam tal‑istatistika u tad‑data. Dawn jinkludu l‑ġbir, il‑validità, il‑produzzjoni ta’ aggregati, il‑pubblikazzjoni, id‑disseminazzjoni u t‑trażmissjoni ta’ statistika lil istituzzjonijiet Ewropej u istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn.
Informazzjoni oħra dwar il‑Jum Dinji tal‑Istatistika tinsab hawnhekk.
Lura lejn l-Arkivju