News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

09/10/2020

Webinar b'diskussjoni dwar bidliet fl-attivitajiet bankarji wara l-COVID-19

X’jista’ jkun il-futur tal-attivitajiet bankarji għall-konsumatur wara l-COVID-19? Dan hu s-suġġett ta’ webinar fuq TEAMS organizzat mill-Bank Ċentrali ta' Malta ma’ John Cassar White, li mill-esperjenza bankarja tiegħu ta’ għexieren ta’ snin ser jagħti tweġibiet b’għarfien kritiku għal mistoqsija li bosta qegħdin isaqsu.

Hu wkoll ser jieħu l-opportunità biex jesebixxi ftit mix-xogħol importanti li sar mill-istoriku bankarju John Consiglio. Riċentement, Mr Cassar White irreveda l-ktieb riċenti ta’ Consiglio bit-titlu Insights on Financial Services Regulation, ktieb li janalizza l-iżviluppi fis-settur regolatorju.

Mr Cassar White ċertament mhuwiex ġdid fis-settur. Ħadem f’bank lokali għal madwar erbgħin sena u kien iċ-chairman tiegħu għal numru ta’ snin. Hu għadu jservi fuq il-bord ta’ diversi kumpaniji regolatorji. Eks-lettur fl-Institute of Business and Commerce tal-MCAST, hu ċ-chairman tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti u tal-Bord Superviżorju tal-Malta Development Bank.

Il-webinar ser isir nhar is-26 ta’ Ottubru fil-11am, u ser ikun disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta ftit jiem wara għal dawk li ma jkunux jistgħu jsegwuh live.

Dawk li jixtiequ jattendu huma ġentilment mitluba jibagħtu email lil [email protected] sabiex tintbagħtilhom stedina fuq TEAMS bil-link għall-webinar. Ser ikun hemm ħin limitat għal mistoqsijiet u tweġibiet wara l-preżentazzjoni.

Il-lekċer tagħmel parti mis-serje organizzata mil-Librerija tal-Bank. Segwina fuq LinkedIn u Facebook sabiex iżżomm ruħek aġġornat/a dwar l-avvenimenti. Tista’ wkoll tabbona fuq is-sit elettroniku tagħna sabiex tirċievi notifiki dwar l-aspetti tal-operat tagħna li jinteressawk.

Webinar - John Cassar White

Lura lejn l-Arkivju