Library

Regoli tal-Librerija

Individwi li mhumiex impjegati tal-Bank Ċentrali ta' Malta jistgħu jużaw il-faċilitajiet tal-Librerija billi jitolbu permess għas-self. Membri tal-pubbliku ġenerali li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq, jistgħu jikkonsultaw il-materjal tal-Librerija fuq il-post biss.

Rakkomandazzjonijiet għal żieda u tisħiħ tal-kollezzjoni ta' materjali tal-Librerija jiġu apprezzati ħafna u jitqiesu bir-reqqa.

Permess għas-self jinħareġ lil:

  • studenti rreġistrati li jgħixu f'Malta u qed jistudjaw għall-ewwel grad universitarju jew qed jagħmlu studji ta’ wara l-lawrja fl-ekonomija, l-attività bankarja, u l-finanzi f’università approvata jew f’istituzzjoni oħra ta’ edukazzjoni ogħla;
  • persuni impenjati fi studji jew riċerka relatati mal-ekonomija, l-attività bankarja, u l-finanzi.

Applikazzjonijiet għal permess għas‑self għandhom isiru fuq il‑formola preskritta. Persuni li jingħataw permess għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li tobbligahom josservaw ir‑Regoli tal‑Librerija.

  • Min jissellef għandu jirreġistra ismu u l-indirizz tiegħu fir-reġistru tal-Librerija. L-utenti awtorizzati m’għandhomx jagħtu l-username u l-password tagħhom lil partijiet terzi.
  • Fil-każ li xi pubblikazzjoni mislufa mil-Librerija tintilef jew issirilha ħsara, min jissellef ikun obbligat iħallas kumpens, li jiġi stabbilit mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Inkella, min jissellef jista’ jixtri kopja biex jissostitwixxi dik il-pubblikazzjoni u jagħtiha lil-Librerija. Dawk li jkunu responsabbli biex jagħmlu tali kumpens ma jitħallewx jużaw il-faċilitajiet tal-Librerija sakemm tissolva l-kwistjoni għas-sodisfazzjon tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
  • Hu permess li jsiru fotokopji għal użu personali minn materjal ippubblikat – kif ukoll elettroniku – sakemm dan isir skont il‑liġi tad‑drittijiet tal‑awtur. Għal kull folja fotokopjata jiġi impost ħlas speċifiku. Il‑Lista tal‑Prezzijiet tinstab qrib il‑magna tal‑fotokopji.

Il-perjodu tas-self hu ta’ tliet ġimgħat, iżda l-uffiċjal tal-Librerija jista’ jistabbilixxi perjodu ta’ self iqsar jekk għall-materjal misluf ikun hemm domanda persistenti minn utenti oħra.

Pubblikazzjonijiet ta’ referenza u rivisti ma jistgħux jinħarġu mill-bini tal-Librerija.

L-użu ta' tagħmir fotografiku u tal-vidjo mhux permess fil-bini tal-Bank. L-użu ta' telefoni ċellulari u l-konsum ta' ikel/xorb fil-Librerija huma wkoll ipprojbiti.

EBSCO

Il-Librerija tuża riżorsi pprovduti mill-EBSCO, li tipprovdi databases ta’ riċerka, ġurnali elettroniċi, abbonamenti ta’ rivisti, kotba elettroniċi u servizz ta’ sejbien għal-libreriji. It-termini u l-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw b’mod speċifiku għar-riżorsi tagħhom:

  • L-utenti awtorizzati jaqblu li jirrispettaw l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur (Kap. 415 tal-Liġijiet ta’ Malta), kif emendat sussegwentement, kif ukoll kwalunkwe restrizzjoni kuntrattwali, restrizzjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur, jew restrizzjonijiet oħra pprovduti minn pubblikaturi u mniżżlin fir-riżorsi relevanti.
  • L-utenti awtorizzati jistgħu jniżżlu jew jipprintjaw kopji limitati ta’ referenzi, sommarji, test sħiħ jew siltiet minnu, sakemm l-informazzjoni tintuża biss skont il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur.
  • L-utenti awtorizzati ma jistgħux jippubblikaw l-informazzjoni miksuba mis-servizzi bħallikieku tagħhom u barra minn hekk, l-utenti awtorizzati ma jistgħux jużaw ir-riżorsi bħala komponent ta’, jew il-bażi ta’, kwalunkwe pubblikazzjoni oħra mħejjija għall-bejgħ.
  • Kwalunkwe riproduzzjoni jew distribuzzjoni ta’ kopji stampati, u t-tniżżil kollu u l-ħażna elettronika kollha ta’ materjali miġburin mir-riżorsi għandhom ikunu għall-użu intern jew personali.
  • It-tniżżil tar-riżorsi kollha jew partijiet minnhom b’mod sistematiku jew regolari sabiex joħloq ġabra ta’ materjali li tinkludi d-databases jew is-servizzi kollha, jew partijiet tagħhom, huwa pprojbit strettament kemm jekk din il-ġabra tkun f’forma elettronika jew stampata.

Jekk għal xi raġuni, il-Bank jemmen li kwalunke utent awtorizzat ma jikkonformax ma’ dawn ir-regoli u ma’ kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni oħra pprovduta mill-pubblikatur u mniżżla fir-riżorsi, il-Bank iżomm id-dritt, fid-diskrezzjoni tiegħu, li jikkanċella kwalunkwe aċċess għall-imsemmijin databases jew servizzi pprovduti mil-Librerija tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mingħajr l-ebda avviż lill-utent awtorizzat.