HFCS Dashboard

Mistoqsijiet Frekwenti dwar l-HFCS

1.  X’inhu l-HFCS?

L-Istħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Households (HFCS) jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-assi reali u finanzjarji, l-obbligazzjonijiet, il-ġid nett, id-dħul gross, il-konsum u t-tfaddil tal-households.

Dan l-istħarriġ huwa kkoordinat mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mwettaq mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊNi) taż-żona tal-euro u għadd ta' Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) bħala parti minn proġett komuni taż-żona tal-euro.

Karatteristika ewlenija tal-istħarriġ hija li huwa armonizzat bejn il-pajjiżi parteċipanti, jiġifieri li jintużaw kunċetti, definizzjonijiet u metodoloġiji komuni sabiex jiġi żgurat li d-data tkun komparabbli bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro. Dan jagħmel l-HFCS l-uniku sors armonizzat ta’ informazzjoni dwar il-ġid tal-households u d-distribuzzjoni tiegħu fiż-żona tal-euro.

2.  Min imexxi l-HFCS f’Malta u kif jitwettaq?

F’Malta, l‑HFCS jitmexxa mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta (il-Bank) b’kooperazzjoni mal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika (NSO). L-istħarriġ isir permezz ta’ kwestjonarju strutturat li jiġbor l-informazzjoni kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak individwali. Id-data tinġabar permezz ta’ intervisti wiċċ imb wiċċ (Intervistar Personali Assistit minn Kompjuter - CAPI) u intervisti bit-telefown (Intervistar bit-Telefown Assistit minn Kompjuter - CATI). 

3.  X’tip ta’ data jiġbor l-HFCS?

L-HFCS jiġbor żewġ tipi ewlenin ta’ data.

L-ewwel wieħed ikopri informazzjoni fil-livell tal-households, inkluża data dwar l-assi reali (bħar-residenza ewlenija, proprjetà oħra, negozji ta’ impjieg għal rasu, vetturi u oġġetti ta’ valur), l-assi finanzjarji (bħal depożiti, bonds, ishma, fondi mutwi, skemi volontarji tal-pensjoni u poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja), l-obbligazzjonijiet (inkluż dejn ipotekarju u dejn mhux ipotekarju bħal bilanċi tal-kards tal-kreditu, self lill-konsumaturi u self personali ieħor), il-konsum u t-tfaddil, kif ukoll trasferimenti bejn il-ġenerazzjonijiet (bħal wirt u rigali).

It-tieni wieħed ikopri data fuq livell individwali dwar il-karatteristiċi demografiċi, l-impjiegi, id-dħul u l-intitolamenti għall-pensjoni tal-membri kollha tal-familja li għandhom 16-il sena jew aktar.

L-Istħarriġ jista’ jinkludi wkoll sezzjoni ad hoc dwar materja speċifika. Pereżempju, l-edizzjoni tal-HFCS tal-2023 kienet tinkludi mistoqsijiet dwar in-nefqa fuq l-enerġija domestika u l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika.

Għal lista dettaljata ta' definizzjonijiet, jekk jogħġbok irreferi għas-sezzjoni tad-definizzjonijiet  fid-Dashboard tal-HFCS .

4.  Għaliex tinġabar din id-data?

L-HFCS jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-households u dwar kif din tvarja fost il-popolazzjoni. Dan jippermetti wkoll paraguni bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u jgħin biex jiġi ssorveljat kif il-finanzi tal-households jevolvu maż-żmien.

Id-data hija riżorsa importanti għall-banek ċentrali, għal dawk li jfasslu l-politika, għar-riċerkaturi, għall-analisti u għall-pubbliku. Tintuża biex jiġu eżaminati materji bħad-distribuzzjoni tal-ġid, il-portafolji tal-assi, id-dejn, l-aċċess għall-kreditu, is-sorsi tad-dħul; l-imġiba fit-tfaddil, il-vulnerabbiltà finanzjarja u l-effetti tal-iżviluppi ekonomiċi u l-miżuri ta' politika fuq il-households.

L-evidenza ġġenerata minn dan l-istħarriġ tgħin fit-tfassil tal-politika monetarja, l-evalwazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u politiki pubbliċi oħra, u b'hekk tikkontribwixxi għal teħid ta' deċiżjonijiet aktar infurmati. L-HFCS jappoġġa wkoll ir-riċerka akkademika u l-analiżi ekonomika billi jipprovdi sors għani ta’ data li tkabbar l-għarfien dwar l-imġiba finanzjarja tal-households u l-implikazzjonijiet tagħha għall-ekonomija usa’. Barra minn hekk, l-istħarriġ huwa ta' benefiċċju għall-pubbliku billi jsaħħaħ il-fehim tal-finanzi tal-households u jipprovdi evidenza affidabbli biex jappoġġa dibattitu pubbliku infurmat.

5.  Kif jintgħażlu l-households u kif l-HFCS jiżgura li r-riżultati jkunu rappreżentattivi tal-households f’Malta?

Il-households jintgħażlu permezz ta' metodu ta' teħid ta' kampjuni każwali magħżula f'intervalli regolari mir-reġistru nazzjonali tal-popolazzjoni miżmum mill-NSO. Il-kampjun jinkludi wkoll komponent ta’ panel li jikkonsisti minn households li pparteċipaw f’edizzjonijiet preċedenti tal-istħarriġ. Dan jagħmilha possibbli li jiġi analizzat kif il-pożizzjoni finanzjarja tal-istess households tinbidel maż-żmien. Imbagħad jiġu applikati tekniki ta' ppeżar u kalibrazzjoni statistiċi biex jiġi żgurat li r-riżultati tal-istħarriġ jirriflettu b'mod preċiż il-popolazzjoni Maltija aktar wiesgħa.

6.  Għaliex id-data tal-istħarriġ tista’ tkun differenti mill-istatistika uffiċjali jew amministrattiva?

Huwa normali li l-istimi tal-istħarriġ ivarjaw mill-istatistika uffiċjali jew amministrattiva. Dan minħabba li sorsi differenti ta’ data huma mfassla għal għanijiet differenti u jistgħu jużaw kunċetti, definizzjonijiet, perjodi ta’ referenza u kopertura tal-popolazzjoni differenti. Barra minn hekk, billi l-HFCS hu bbażat fuq kampjun rappreżentattiv ta’ households minflok il-popolazzjoni kollha, ir-riżultati tagħhom huma stimi statistiċi u għalhekk huma soġġetti għal grad ta’ varjabbiltà fit-teħid tal-kampjuni. Barra minn hekk, dawk li wieġbu mhux dejjem jistgħu jkunu jafu jew jiftakru l-valuri eżatti ta’ ċerta informazzjoni finanzjarja.

L-HFCS isegwi metodoloġija stabbilita sew u japplika proċeduri ta’ validazzjoni rigorużi li huma armonizzati madwar l-istati membri taż-żona tal-euro sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-data. Għalhekk, id-differenzi bejn l-HFCS u sorsi oħra ta’ data huma mistennija u mhux neċessarjament jindikaw inkonsistenzi. Minflok, huma s-sorsi differenti li jikkumplimentaw lil xulxin.

7.  Il-mistoqsijiet tal-istħarriġ huma l-istess tul l-edizzjonijiet? 

Il-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet ewlenin jibqgħu konsistenti tul l-edizzjonijiet biex jippermettu paraguni matul iż-żmien. Madankollu, xi mistoqsijiet jistgħu jiġu aġġornati jew estiżi biex jirriflettu żviluppi ekonomiċi ġodda, ħtiġijiet ta’ politika jew suġġetti emerġenti. Jistgħu jiġu introdotti wkoll sezzjonijiet addizzjonali f'edizzjonijiet speċifiċi.

8.  Kemm-il darba jitwettaq l-HFCS u meta ser issir l-edizzjoni li jmiss?

L-HFCS jitwettaq bejn wieħed u ieħor kull tliet snin fiż-żona tal-euro. Malta ħadet sehem fl-edizzjonijiet kollha li saru s’issa, jiġifieri l-edizzjonijiet tal-2010, l-2014, l-2017, l-2021 u l-2023. L-edizzjoni li jmiss hija skedata li ssir fl-2026. Il-perjodu ta’ referenza huwa ġeneralment is-sena ta’ qabel l-istħarriġ u għalhekk, pereżempju, id-data miġbura għall-edizzjoni tal-2023 tirreferi għall-2022.

9.  Jekk niġi magħżul/a biex nipparteċipa fl-istħarriġ, kif ser tiġi protetta l-informazzjoni personali tiegħi? 

Il-parteċipazzjoni fl-istħarriġ hija volontarja. L-informazzjoni kollha miġbura hija trattata bħala strettament kunfidenzjali u użata biss għal finijiet ta’ statistika u riċerka. Id-data tiġi anonimizzata qabel ma tintuża għall-analiżi u tiġi pproċessata skont il-leġiżlazzjoni Maltija dwar il-protezzjoni tad-data u l-istandards Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data. L-informazzjoni personali qatt ma tiġi ppubblikata jew kondiviża f’forma identifikabbli.

10.  Kif nista’ naċċessa d-data?

Kulħadd jista’ jaċċessa  d-Dashboard pubbliku tal-HFCS  direttament fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Din l-għodda interattiva tipprovdi aċċess immedjat għal statistika aggregata dwar l-informazzjoni kollha mis-sett ta' data tal-HFCS għal Malta.

Ir-riċerkaturi jistgħu jitolbu aċċess għall-mikrodata anonimizzata ta' Malta billi jikkuntattjaw  lit-tim tal-HFCS. Id-data tiġi pprovduta biss ladarba l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ aċċess applikabbli u r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

11.  X’inhuma l-limitazzjonijiet ewlenin tal-HFCS?

Bħall-istħarriġ kollu, l-HFCS hu soġġett għal xi limitazzjonijiet:

  • Ir-riżultati huma bbażati fuq data minn kampjun u għalhekk huma soġġetti għall-varjabbiltà fil-kampjuni;
  • Xi households jistgħu jirrifjutaw il-parteċipazzjoni jew jistgħu ma jipprovdux informazzjoni għal ċerti mistoqsijiet;
  • Dawk li jwieġbu mhux dejjem jistgħu jkunu jafu jew jiftakru l-valuri eżatti għal ċerti varjabbli;
  • Housholds għonja huma ħafna drabi aktar diffiċli biex jiġu mistħarrġa, u b’hekk dan jista' jaffettwa l-istimi tal-finanzi tal-households;

Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, l-HFCS hu bbażat fuq metodoloġija robusta u jsirulu verifiki estensivi tal-kwalità. L-istħarriġ huwa għalhekk meqjus bħala sors affidabbli ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-households f’Malta u fiż-żona tal-euro kollha.

12.  Fejn nista’ nikseb aktar informazzjoni fuq l-HFCS?  

L-utenti jistgħu jaċċessaw  id-Dashboard tal-HFCS , li jipprovdi viżwalizzazzjonijiet tad-data u jippermetti t-tniżżil ta’ data tal-HFCS aggregati għal Malta. Id-dashbord jinkludi wkoll lista ta’ definizzjonijiet, kif ukoll links għal pubblikazzjonijiet mill-impjegati tal-Bank dwar ir-riżultati tal-HFCS u r-riċerka bbażati fuq id-data tal-HFCS.

Iżjed tagħrif dwar l-HFCS jinsab ukoll  fil-paġna tal-HFCS tal-BĊE .

Għal aktar mistoqsijiet, jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim tal-HFCS  hawn.