About Us

Dr Mario Vella

Mario Vella nħatar Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta għal ħames snin b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2016. Hu membru tal‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew u Gvernatur Sostitut għal Malta fil‑Fond Monetarju Internazzjonali, u membru tal‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta Malta (MFSA). Hu membru ex‑officio tal‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, u fiduċjarju tar-Research, Innovation and Development Trust (RIDT – Trust għar‑Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp) tal‑Università ta’ Malta.

L‑attivitajiet professjonali u akkademiċi ewlenin matul il‑karriera ta’ Dr Vella ffukaw fuq l‑iżvilupp ekonomiku u l‑investiment barrani dirett. Il‑karigi ewlenin tiegħu qabel inħatar Gvernatur: tliet snin bħala Chairman tal‑aġenzija nazzjonali għall‑iżvilupp ekonomiku u promozzjoni tal‑investiment, il‑Malta Enterprise, tmintax‑il sena mal‑Malta Development Corporation (organizzazzjoni li ġiet segwita mill‑Malta Enterprise) li laħqu l-quċċata tagħhom bil‑ħatra tiegħu bħala ċ‑Chief Executive Officer tal‑istess korporazzjoni, u tlettax‑il sena bħala Direttur tas-servizzi relatati mal-investiment barrani dirett ta’ Grant Thornton fejn f’din il‑pożizzjoni serva klijenti mis‑settur privat u mis‑settur pubbliku internazzjonalment f’firxa wiesgħa ta’ setturi.

Dr Vella studja f’dik li kienet ir‑Royal University of Malta, fil‑London School of Economics and Political Science, u fl-Università ta’ Humboldt ġewwa Berlin. Bejn l‑2007 u l‑2012, kien Visiting Professor fl‑Edinburgh Napier University. Fl‑2005, Dr Vella kien Visiting Professor fl‑Alta Scuola di Economia e Relazioni Internazionali tal‑Università Cattolica del Sacro Cuore f’Milan u fl‑Università degli Studi di Urbino “Carlo Bo”. Għal madwar għoxrin sena, Dr Vella għallem fl‑Università ta’ Malta, minn fejn ħa l-leave sabiex ikun konformi mar‑rekwiżit tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta, li jistipula li l‑Gvernatur ma jistax ikollu karigi professjonali oħra fl‑istess ħin. Dr Vella ngħata l‑Ordine al Merito della Repubblica Italiana.

Dr Mario Vella