About Us

Il-Professur Edward Scicluna

Edward Scicluna nħatar Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta għal ħames snin b'effett mill‑1 ta' Jannar 2021. Hu nħatar ukoll bħala Viċi President tal‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Hu membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, Gvernatur għal Malta fil-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, u l-Bank Asjatiku għall-Investiment fl-infrastruttura, u hu Gvernatur Alternattiv għal Malta għall-Bank Dinji.

Bejn Marzu 2013 u tmiem l-2020, il-Professur Scicluna serva bħala l-Ministru għall-Finanzi ta' Malta, wara li ġie elett bħala Membru tal-Parlament għal żewġ leġiżlaturi suċċessivi.

Qabel Marzu 2013, il-Professur Scicluna serva bħala Membru tal-Parlament Ewropew (PE), fil-kariga ta’ Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Id-diversi Rapporti u Opinjonijiet tal-PE li għalihom kien responsabbli inkludew ir-Rapport li waqqaf il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

Irrappreżenta wkoll lill-Parlament Ewropew fuq il-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika tal-EUROSTAT. Matul l-2013, il-Professur Scicluna nħatar President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u s-sena ta' wara nħatar Viċi President tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

Fil-passat, il-Professur Scicluna serva bħala President tal-Bord tal-Gvernaturi fl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, u membru tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat għall-Politika Monetarja tal-Bank Ċentrali ta' Malta, President tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Professur u Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta' Malta, u bħala Kummissarju Elettorali.

Kien inħatar bħala Espert dwar l-Euro għal Malta mill-Kummissjoni Ewropea, u serva bħala Membru tal-Kumitat Malti għall-Introduzzjoni tal-Euro. Serva wkoll bħala membru tal-Kumitat tal-Verifika tal-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Professur Scicluna wettaq xogħol ta' konsulenza għall-Kummissjoni Ewropea, għall-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), għall-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u għall-Gvernijiet tal-Albanija, il-Kroazja, il-Libja u t-Turkija.

Iggradwa mill-Università ta' Oxford b'Diploma b'Distinction fil-Politika u l-Ekonomija, mill-Università ta' Malta bi grad ta' Baċellerat bi klassifikazzjoni First Class Honours fl-Ekonomija, u mill-Università ta' Toronto b'Masters u Dottorat fl-Ekonomija.

Professor Edward Scicluna