Events
04 ta' Ottubru 2025

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jerġa' jipparteċipa fin-Notte Bianca

  • Post: Central Bank of Malta
  • Data Minn: 04/10/2025 18:30:00
  • Data Sa: 04/10/2025 22:30:00
  • Persuna għall-kuntatt: Silvio Galea
  • Email għall-kuntatt: Contact Us Form

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ser jipparteċipa fl-edizzjoni ta' din is-sena tan-Notte Bianca li ser issir fil-Belt Valletta fl-4 ta' Ottubru 2025. 

Idħol fil-Mużew storiku tal-Muniti fi Pjazza Kastilja u ntilef fl-istorja affaxxinanti tal-flus. Esplora kollezzjoni notevoli ta' muniti u karti tal-flus li jsegwu l-evoluzzjoni tal-munita matul iż-żminijiet. Espert dwar il-karti tal-flus foloz ser ikun fuq il-post biex jaqsam għarfien siewi dwar l-arti tal-iskoperta ta' flus frodulenti, filwaqt li l-Malta Coin Centre ser joffri għażla ta' muniti kommemorattivi għall-bejgħ.

Għal lejl wieħed biss, il-Ġonna ta' Fuq u t'Isfel ser jinfetħu esklussivament għall-pubbliku, u jinbidlu f'ambjent maġiku mimli attrazzjonijiet u mużika live.

B'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tad-Dwana, il-Labrador sponsorjat mill-Bank, Żekkin u wkoll Gipsy, ser juru kif klieb tax-xamm jgħinu biex jinstabu reati relatati mal-flus. Il-viżitaturi jistgħu jaraw eżerċizzji ta' simulazzjoni live fil-Ġnien ta' Fuq u jitgħallmu aktar dwar dan ix-xogħol importanti.

Il-viżitaturi ser ikollhom l-opportunità li jaraw lil Dr Carmel Serracino jpitter bl-akkwarell, filwaqt li jgawdu lejla mill-aqwa mdawra bix-xogħlijiet tiegħu fil-wirja "Notte Acquarello". 

Permezz ta' stand apposta, ĠEMMA ser tkun qed toffri informazzjoni dwar is-sessjonijiet differenti li torganizza sabiex ittejjeb il-kapaċità finanzjarja tiegħek. Kotba maħsuba biex jgħinu lit-tfal itejbu l-ħiliet tagħhom fil-litteriżmu finanzjarju ser ikunu disponibbli mill-istand. Jista' jkollok ukoll iċ-ċans li tirbaħ vawċer One-For-All b'valur ta' €100 billi tipparteċipa fil-kwiżż online ta' ĠEMMA.

Wirja statika mill-Malta Military Vehicle Collectors Club ser tkun qed tintwera wkoll fiż-żona tal-parkeġġ quddiem il-Binja Prinċipali fi Pjazza Kastilja, li toffri ħarsa unika lejn vetturi militari storiċi.

Il-lejla ser tinkludi wkoll ħafna aktar, u ftit sorpriżi għal dawk kurjużi biżżejjed biex jesploraw.

Ingħaqad magħna għal lejla indimentikabbli ta' kultura, edukazzjoni u divertiment fil-Bank Ċentrali ta' Malta matul in-Notte Bianca!

Notte Bianca 2025

Lura lejn l-Arkivju