Events
05 ta' Ottubru 2024

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jerġa’ jipparteċipa fin-Notte Bianca

  • Post: Il-Bank Ċentrali ta' Malta
  • Data Minn: 05/10/2024 18:30:00
  • Data Sa: 05/10/2024 22:30:00
  • Persuna għall-kuntatt: Daniele Romano
  • Email għall-kuntatt: Contact Us Form

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jerġa' jipparteċipa fl‑edizzjoni ta' din is‑sena tan‑Notte Bianca, li se ssir fil‑Belt Valletta fil‑5 ta' Ottubru 2024.

Fil‑Mużew tal‑flus tal‑Bank fi Pjazza Kastilja, il‑viżitaturi ser ikollhom l‑opportunità li jżuru kollezzjoni mill‑isbaħ ta' muniti u karti talflus, xhieda tal-istorja rikka tal‑flus użati f'Malta matul iż-żmien. Espert dwar il-karti tal-flus foloz ser ikun preżenti wkoll biex jipprovdi għarfien siewi dwar l-identifikazzjoni ta' flus foloz, filwaqt li l-Malta Coin Centre ser ikun qed ibigħ muniti għall-kollezzjonisti.

Membri tas-sezzjoni tat-Tiftix u s-Salvataġġ tal-K9, organizzazzjoni Maltija li tħarreġ nies u klieb biex jipprovdu appoġġ umanitarju f'każijiet ta' diżastri, ser ikunu preżenti biex juru t-tagħmir u l-klieb tagħhom, u jipprovdu tagħrif lill-viżitaturi dwar il-kawża u l-inizjattivi umanitarji tagħhom.

Il-Wirja Il-Muniti f'Malta: Storja ta' 2,500 sena ser tiġi esebita fil-Polverista, oriġinarjament mibnija bħala maħżen tal-porvli. Ser ikun hemm ukoll preżentazzjoni interessanti dwar il-funzjonijiet tal-Bank li ser tingħata minn impjegat tal-Bank, segwita minn diskussjoni miftuħa fejn il-parteċipanti huma mħeġġa jaqsmu l-ideat u jistaqsu mistoqsijiet.

Il-ġonna tal-Bank ser jinfetħu esklussivament għan-Notte Bianca u ser joffru varjetà ta' attrazzjonijiet għall-viżitaturi biex igawdu f'ambjent uniku u li jsaħħar.

F'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tad-Dwana,  il-famuż Labrador Żekkin sponsorjat mill-Bank ser jagħti dimostrazzjoni ta' kif tiġi skoperta kriminalità relatata mal-flus. Żekkin u klieb oħra tat-tfittxija ser ikunu attivi f'eżerċizzji ta' simulazzjoni fl-Upper Garden.

Se tiġi ppreżentata wkoll wirja sabiħa tal-bonsai, b'kollaborazzjoni mal-Grupp Kulturali tal-Bonsai. Grow10Trees se jesebixxu wirja ta' żerriegħa, numru ta' siġar żgħar u ser ikun qed iqassmu ż-żrieragħ. Barra minn hekk, ser tindaqq mużika kontemporanja minn grupp mużikali internazzjonali fil‑Lower Garden tal‑Bank.

Notte Bianca at the Central Bank of Malta 2024

Lura lejn l-Arkivju