- Home
-
- Aġenziji ta’ Referenza tal-Kreditu
Aġenziji ta’ Referenza tal-Kreditu
X'inhu r‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu (CCR)?
Id‑Direttiva Nru 14
tal‑Bank Ċentrali ta' Malta tobbliga lill‑istituzzjonijiet tar-rappurtar liċenzjati mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta sabiex jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe klijent eżistenti li għandu bilanċ ta' skoperturi li jaqbeż il‑€5,000 fl‑aħħar tax‑xahar. Din l‑informazzjoni mhux anonimizzata dwar min jissellef u l‑iskoperturi tagħhom tal‑kreditu hija maħżuna b'mod sigur fis‑CCR tal‑Bank. Dawk li jissellfu jinkludu kemm persuni legali u kif ukoll naturali iżda jeskludu l‑istituzzjonijiet ta' kreditu. Aktar informazzjoni dwar is‑CCR tal‑Bank tinsab hawn.
X'inhuma l‑Aġenziji ta' Referenza tal‑Kreditu?
L‑Aġenziji ta' Referenza tal‑Kreditu (CRAs) joħorġu evalwazzjonijiet ta' kreditu fuq talba minn persuni naturali u legali, inklużi l‑istituzzjonijiet ta' kreditu.
Id‑Direttiva Nru 15
tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) telenka numru ta' obbligazzjonijiet imposti mill‑Bank, bħala l‑awtorità superviżorja, fuq CRAs li għandhom aċċess għad‑data mir‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu (data mis‑CCR) tal‑Bank għall‑ħruġ ta' evalwazzjonijiet ta' kreditu.
Barra milli jiġbru u jevalwaw informazzjoni dwar kreditu u joffru servizzi relatati mal‑kreditu u l‑maniġġ tar‑riskji, CRAs jistgħu jwettqu kompiti relatati oħrajn.
Ir‑reġim ta' liċenzjar u l‑proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn kumpaniji li japplikaw biex isiru CRAs ġew stabbiliti bl‑emendi
fl-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap. 441) - Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ, 2018 (L.S.441.07) kif ippubblikat fil‑Gazzetta 20,022 tal‑Gvern ta' Malta f'Lulju 2018.
L‑applikazzjoni biex topera bħala CRA f'Malta għandha tiġi deċiża u evalwata mis‑Sezzjoni Liċenzji tal‑Kummerċ fi ħdan id‑Dipartiment tal‑Kummerċ f'termini tar‑Regolament 47A tar‑Regolamenti dwar il‑Liċenzji tal‑Kummerċ, f'konsultazzjoni mal‑Bank. Diversi kundizzjonijiet japplikaw.
X'inhu punteġġ ta' kreditu u mil-liema entità f'Malta jista' jinħareġ?
Il-punteġġ ta' kreditu huwa miżura tal-affidabbiltà finanzjarja miksuba minn informazzjoni dwar il-kreditu u li taħt piena ta'nullità għandu jinkludi d-data mir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu miżmum fi ħdan il-Bank Ċentrali ta' Malta. Huma biss is-CRAs liċenzjati mis-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ kif hemm fir-Regolament 47A tar-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ li jistgħu joħorġu punteġġi ta' kreditu. L-istess obbligi ta' liċenzjar japplikaw ukoll għal entitajiet li jużaw termini simili għal punteġġ ta' kreditu li jissuġġerixxu xebh mal-mudell tan-negozju ta' CRAs. Għalkemm hemm entitajiet li jipprovdu servizzi ta' evalwazzjoni tal-kreditu, dawn l-entitajiet mhumiex CRAs liċenzjati.
X'inhu l‑irwol tal‑Bank fir‑rigward tas‑superviżjoni u l‑operat tas‑CRAs?
Wara konsultazzjoni pubblika fil‑bidu tal‑2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ
Direttiva ġdida Nru 15
bit‑titlu 'Supervision of Credit Reference Agencies', flimkien mal‑emendi
fl-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta (Kapitolu 204 tal‑Liġijiet ta' Malta). Id‑dokument finali, wara l‑proċess ta' konsultazzjoni pubblika, jinsab hawn.
Dawn id‑dokumenti jistabbilixxu lill‑Bank Ċentrali ta' Malta bħala l‑Awtorità Superviżorja tas‑CRAs liċenzjati.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jżomm reġistru bid‑dettalji tas‑CRAs liċenzjati kollha, li jinsab hawn.
Sabiex jippermetti lis‑CRAs liċenzjati joħorġu evalwazzjonijiet ta' kreditu, il‑Bank ser jaqsam magħhom data mis‑CCR.
Il‑proċess tal‑applikazzjoni sabiex issir Aġenzija ta' Referenza tal‑Kreditu
Sabiex tapplika għal liċenzja, il‑kumpaniji jew l‑organizzazzjonijiet legali interessati kollha għandhom jimlew:
Application Form: Formola K 'Credit Reference Agency' tad‑Dipartiment tal‑Kummerċ li tinkludi s‑sezzjonijiet li ġejjin u li għandhom jimtlew mill‑applikant: (a) Dettalji tal‑applikant; (b) Dettalji tal‑post prinċipali tan‑negozju; (ċ) Lista tad‑dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati, u (d) Dikjarazzjoni.
Annex I: Detailed Application: Il‑formola, li għandha timtela f'isem l‑entità applikanti, hi maqsuma f'sitt (6) sezzjonijiet: (a) L‑applikant; (b) jew (ċ) kif applikabbli, Dettalji tal‑kumpanija/organizzazzjoni legali applikanti; (d) Persuni li jmexxu b'mod effettiv in‑negozju u l‑operat tal‑applikant; (e) Operat; u (f) Dikjarazzjoni.
Annex II: Fit and Proper Questionnaire: Il‑Kwestjonarju għandu jimtela minn persuni naturali li għandhom jinħatru: (a) Bħala azzjonisti kwalifikanti; (b) Biex imexxu b'mod effettiv in‑negozju u l‑operat tal‑Aġenzija ta' Referenza tal‑Kreditu (chairman, executive u non‑executive directors, chief executive officers, general managers jew pożizzjonijiet simili); (ċ) Sabiex jokkupaw ċerti pożizzjonijiet ta' fiduċja, fi ħdan kumpanija jew organizzazzjoni legali li applikat biex topera bħala CRA; u (d) Bħala membri tal‑kunsill.
Annex III: CRA ‑ Corporate Questionnaire: Dan il‑Kwestjonarju għandu jimtela f'isem kwalunkwe persuna legali li għandha tkun maħtura bħala azzjonista kwalifikanti fi ħdan kumpanija jew organizzazzjoni legali li applikat biex topera bħala CRA. L‑applikant għandu jissottometti Kwestjonarju wieħed għal kull persuna legali li għandha tkun maħtura bħala azzjonista kwalifikanti.
L‑applikanti huma mitluba jimlew u jiffirmaw l-Application Form u l‑Fit and Proper Questionnaire qabel ma jissottomettuhom doppjament lis‑Sezzjoni Liċenzji tal‑Kummerċ skont Artikolu 47A tar‑Regolamenti (Emendati) dwar il‑Liċenzji tal‑Kummerċ. L‑applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn tariffa li ma titħallasx lura ta' ħames mitt euro (€500). Aktar struzzjonijiet jinsabu fid‑dokumenti msemmija.
Id-data qed tinġabar f’termini
tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204 tal-Liġijiet ta’ Malta) bħala parti mill-Proċedura tal-Liċenzjar tal-Aġenziji ta’ Referenza tal-Kreditu kif speċifikat
fid-Direttiva Nru 15
. Id-data personali għandha tiġi pproċessata skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni lokali u tal-UE fis-seħħ fiż-żmien tal-ipproċessar tad-data, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - GDPR (Regolament (UE) 2016/679).
Aġenziji ta' Referenza tal-Kreditu Liċenzjati
Dokumentazzjoni Ġenerali
CRA User Manual
Information Request Notification (Consent) Form
Access to the CCR Application Form
Soft Token Registration
Mudelli għall-Ġbir tad-Data
Complaints Template
Scores Template
Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (API)
CCR Version 2 Application Programming Interface (API)
Implementing the API - Technical Documentation
CCR XSDs
Test Data
Test Cases
Skemi u Sample Files Oħrajn
Anonymised Data Download Schema
Anonymised Data Download File - Sample
Demo Files tal-Operatur
API Download - Query Log
Single Search Functionality
Single Search - Query Log
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Bank Ċentrali ta' Malta permezz tal-formola online jew billi ċċempel fuq (+356) 2550 0000.