Mitt sena mill-Kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lil Malta
2021
|
Mitt sena mill-Kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lil Malta
|
|
Fl-24 ta' Settembru 2021, il-Bank Ċentrali ta' Malta nieda munita numiżmatika tal-fidda li tfakkar il-mitt sena mill-kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lil Malta.
Fit-30 ta' April 1921, mijiet ta' Maltin iltaqgħu l-Belt Valletta biex ikunu xhieda tal-proċedimenti marbuta mal-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida, li tat lill-Maltin ir-responsabbiltà li jeleġġu gvern. Deher li, wara 120 sena ta' tmexxija Ingliża, intlaħqu l-aspirazzjonijiet Maltin għall-awtonomija fl-affarijiet lokali. Il-Kostituzzjoni stabbiliet dijarkija li permezz tagħha gvern Malti elett kien responsabbli għall-affarijiet lokali, filwaqt li l-Gvern Imperjali kien responsabbli għal "materji riżervati" li kienu jinkludu l-politika tad-difiża u dik barranija. L-elezzjonijiet saru f'Ottubru 1921 u l-ewwel Parlament Malti ġie inawgurat minn Edward, Prinċep ta' Wales, fl-1 ta' Novembru 1921.
L-esperiment Malti mat-tmexxija awtonoma ma damx, hekk kif il-Kostituzzjoni ġiet irtirata fl-1936. Madankollu, hija wittiet it-triq għal aktar żvilupp kostituzzjonali, li laħaq il-quċċata tiegħu meta Malta kisbet indipendenza politika mill-Gran Brittanja fl-1964.
Qed jinħarġu biss 1,500 munita, b'valur nominali ta' €10. Il-muniti nħadmu mir-Royal Dutch Mint. Kull munita hi maħduma f'0.925 fidda, għandha piż ta' 28.28g, dijametru ta' 38.61mm u maħduma f'verżjoni proof. Il-muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. In-naħa ta' quddiem tal-muniti turi l-istemma araldika ta' Malta, filwaqt li fuq in-naħa ta' wara hemm il-figura ta' Melita, allegorija ta' Malta.
|
Tip
|
Denominazzjoni
|
Dijametru (mm)
|
Piż Gross (g)
|
Finezza
|
Disinjatur
|
Zekka
|
Stampar
|
Fidda
|
€10
|
38.61
|
28.28
|
0.925
|
Noel Galea Bason
|
Royal Dutch Mint
|
1,500
|