Payment Systems

Sistemi ta’ saldu ta’ titoli

TARGET2-Securities

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta, bħala parti mill‑Eurosistema, bħalissa hu involut fl‑implimentazzjoni tat‑TARGET2‑Securities (T2S).  L‑iżvilupp u l‑operazzjoni ta’ din il‑pjattaforma huma fdati f’idejn erba’ banek ċentrali, li huma d‑Deutsche Bundesbank, il‑Banque de France, il‑Banca d'Italia u l‑Banco de España. Dan il‑proġett tnieda mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew f’Lulju 2008.

Il‑kunċett tat‑T2S hu bbażat fuq il‑“mudell integrat”, li hu amalgamazzjoni ta’ saldu bi flus tal‑banek ċentrali u ta' titoli fuq pjattaforma waħda fil‑modalità ħlas mal‑kunsinna (DvP). Il‑bażi għal dan hi l‑Pjattaforma Unika Komuni (SSP) tal‑Eurosistema, li fuqha diġà qed titħaddem is‑sistema għall‑ħlas gross f’ħin reali (TARGET2).

It‑T2S għandha l‑karatteristiċi li ġejjin: 

  • hi proprjetà tal‑Eurosistema u ġiet żviluppata u topera abbażi ta’ rkupru ta’ spejjeż;
  • tikkostitwixxi bidla infrastrutturali importanti għas‑swieq finanzjarji tal‑Ewropa billi toħloq suq intern għas‑saldu;
  • tirrendi s‑swieq iżjed sikuri u iżjed effiċjenti;
  • għandha pjattaforma tal‑IT unika għas‑saldu bażiku, newtrali u transkonfinali ta’ titoli;     
  • tnaqqas il‑ħlasijiet għas‑saldu;
  • twettaq saldu DvP f’ħin reali bi flus tal‑banek ċentrali; 
  • tipprovdi l‑banek bl‑opportunita li jiffrankaw ammonti sostanzjali ta' flus fir‑rigward tal‑kollateral u l‑likwidità;
  • tinkludi pjattaforma ta’ ħafna muniti; 
  • tagħti servizz lid‑Depożitorji Ċentrali tat‑Titoli (CSDs), iżda mhijiex CSD;
  • toffri firxa sħiħa ta' benefiċċji mhux biss f'termini ta' ffrankar ta' flus fuq prezzijiet u kollateral, iżda wkoll f'termini ta' tnaqqis ta' riskji, żieda fl‑effiċjenza tal‑back office, iżjed kompetizzjoni u opportunitajiet ġodda ta' negozju.  

It‑T2S bdiet topera f’Ġunju 2015 u l‑Bank Ċentrali ta’ Malta, flimkien mal‑Borża ta' Malta, kien fost l‑ewwel istituzzjonijiet li ssieħbu fis‑sistema fl‑ewwel grupp ta’ migrazzjoni tagħha. It-T2S se jkun qed topera f'21 pajjiż Ewropew sa Frar 2017.

Is‑suq Malti hu involut fil‑proġett tat‑T2S permezz tal‑Grupp Nazzjonali ta’ Utenti (NUG). In‑NUG twaqqaf fl‑2012 u jinkludi fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ saldu ta’ titoli f’Malta għas‑sostenn tal‑iżvilupp, l‑implimentazzjoni u l‑operazzjoni tat‑T2S.

TARGET2‑Securities tal‑BĊE