- Home
-
- Ipproteġi lilek innifsek minn attività frodulenti
Ipproteġi lilek innifsek minn attività frodulenti
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qiegħed javża lill‑pubbliku dwar żieda fi prattiċi sofistikati qarrieqa li bihom il-frodaturi jimpersonaw lill‑Bank.
⚠️ X'qiegħed jiġri?
Il-frodaturi qegħdin jużaw tattiċi dejjem aktar qarrieqa, inklużi:
- Emails foloz: Messaġġi bl‑użu tal‑arma tal‑Bank, li jitolbu informazzjoni personali jew finanzjarja.
Ftakar: Il‑Bank qatt ma jibgħat emails jew talbiet li jinvolvu tranżazzjonijiet finanzjarji privati.
- Scams bit-telefown: Telefonati li jidhru ġejjin minn numri lokali, spiss b'Malti fluwenti, li jallegaw b'mod falz attività suspettuża u jħeġġu lil min jirċevihom biex jikklikkjaw fuq links malizzjużi. Dawn iwassluk għal siti elettroniċi bankarji foloz maħsuba biex jisirqu l-l-informazzjoni personali u jisirqu l-flus.
- Scams fuq apps tal-messaġġi: Frodaturi qed jużaw Viber u WhatsApp, juru b'mod falz "Bank Ċentrali ta' Malta" u saħansitra juru ritratti tal-bini tal-Bank. Il-vittmi jiġu mgħarrfa li l-kont jew il-kard tagħhom ġew imblukkati u jintalbu jipprovdu informazzjoni sensittiva.
- Filmati deepfake: Filmati ġġenerati bl-AI li juru figuri pubbliċi jew il-Gvernatur tal-Bank qegħdin jippromwovu skemi foloz ta' kripto bħal "MaltaCoin". Dawn il-filmati jidderieġu lill-utenti lejn siti elettroniċi frodulenti li jitolbu data personali jew pagamenti.
- Domains foloz: Siti elettroniċi frodulenti jużaw b'mod ħażin l‑identità tal‑Bank sabiex jidhru leġittimi.
✅X'għandek tagħmel
- Tikklikkjax fuq links jew hemżiet mhux mistennija li jidhru li ġejjin mill-Bank.
- Ivverifika l-awtentiċità: Emails uffiċjali mill-Bank dejjem ser jiġu minn domains verifikati.
- Injora u rrapporta kwalunkwe telefonata, messaġġ, jew filmat li jitolbu informazzjoni personali.
- Il-Bank qatt mhu ser:
- Jikkuntattja individwi bit-telefown, WhatsApp, Viber, jew permezz tal-midja soċjali sabiex jipprovdu dettalji personali, sakemm mhux avżati minn qabel.
- Jipprovdi kards tal-kreditu jew jiftaħ kontijiet għall-pubbliku.
- Isaqsi għal kodiċi tal-PIN jew kredenzjali tal-login permezz ta' apps tal-messaġġi.
Jekk tirċievi messaġġ jew telefonata suspettuża, tirrispondix. Minflok, irrapporta dan minnufih billi tuża l-Formola Elettronika tal-Bank.