Payment Systems

Sistemi u servizzi ta’ pagament individwali

Pagamenti individwali, li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑pagamenti fl‑ekonomija, jinkludu pagamenti tal‑konsumaturi u l‑kumpaniji, iżda jeskludu pagamenti ta’ valur għoli ġġenerati fl‑ispazju interbankarju.

Waqt li l‑flus kontanti huma valuta legali u għalhekk huma l‑bażi tas‑sistema monetarja, l‑iżvantaġġi tagħhom f’ekonomija moderna qed isiru dejjem iżjed evidenti. B’mod partikolari, l‑użu tal‑flus kontanti jinvolvi trasferiment fiżiku lil min għandu jitħallas, u dan iwassal għal ineffiċjenza fl‑ipproċessar u l‑maniġġ. Fuq kollox, il‑flus kontanti jevitaw is‑sistema bankarja u b’hekk huma aktar suxxettibbli għall‑użu fil‑ħasil tal‑flus u l‑finanzjament tat‑terroriżmu. Min‑naħa l‑oħra, il‑pagamenti individwali qed isiru dejjem iżjed permezz ta’ strumenti ta’ pagament bla flus kontanti, inklużi kards tal‑kreditu u tad‑debitu, transferimenti ta’ kreditu u debiti diretti. Waqt li ċ‑ċekkijiet dejjem kienu l‑istrument ta’ pagament individwali tradizzjonali, bla flus kontanti, preferut f’Malta, is‑servizzi elettroniċi ta’ pagament jikxfu l‑ispejjeż u l‑ineffiċjenza tal‑ipproċessar taċ‑ċekkijiet.

Servizzi ta’ pagament individwali effiċjenti u affidabbli huma essenzjali biex l‑ekonomija tiffunzjona bla xkiel.  Bl‑introduzzjoni tal‑euro, Malta saret membru sħiħ tal‑Eurosistema, li għandha l‑għan li toħloq suq waħdieni ta’ pagament għall‑euro u li tħeġġeġ l‑armonizzazzjoni u l‑effiċjenza tal‑pagamenti, domestiċi u transkonfinali bl‑euro, f’termini ta’ prestazzjoni u spejjeż. It‑tliet għanijiet ewlenin tal‑politika tal‑Eurosistema f'termini ta' sistemi ta' pagament, jinkludu:

  • il‑promozzjoni tat‑trasparenza fit‑tħaddim tas‑sistemi u s‑servizzi ta’ pagament;
  • is‑sorveljanza tal‑iffissar ta’ drittijiet u tariffi;
  • l‑inkoraġġiment tal‑kompetizzjoni, l‑effiċjenza u l‑aċċess għas‑swieq.

F’dan il‑kuntest, l‑industrija bankarja Ewropea ħolqot iż‑Żona Unika ta' Pagamenti f'Euro (SEPA) biex tikkrea żona fejn il‑konsumaturi, il‑kumpaniji u aġenti ekonomiċi oħra jistgħu jħallsu u jitħallsu bl‑euro, kemm internament kif ukoll lil hinn mill‑konfini nazzjonali, bl‑istess kundizzjonijiet, drittijiet u obbligi bażiċi, irrispettivament mill‑post fejn isiru l‑pagamenti. Is‑SEPA tinkludi l‑istrumenti ta’ pagament li ġejjin: trasferimenti ta’ kreditu, debiti diretti u pagamenti bil‑kards. It‑trasferiment ta’ kreditu bis‑SEPA ġie introdott fl‑2008 u d‑debitu dirett bis‑SEPA fl‑2009.

Ir‑Regolament tal‑UE Nru 260/2012 jistabbilixxi r‑rekwiżiti tekniċi u tan‑negozju għal trasferimenti ta’ kreditu u għal debiti diretti f’euro. Il‑proġett tas‑SEPA introduċa wkoll in‑Numru Internazzjonali tal‑Kont Bankarju (IBAN), standard stabbilit għal numri tal‑kontijiet bankarji li b’mod uniku jidentifikaw il‑kont bankarju li klijent ikollu ma’ bank, ikun fejn ikun jinsab fid‑dinja.

Aspett importanti ieħor tas‑sistemi u servizzi ta’ pagament individwali hu l‑Malta Clearing House, li l‑Bank Ċentrali ta’ Malta waqqaf bis‑saħħa tal‑awtorità tiegħu biex jippromwovi t‑twaqqif ta’ sistema bankarja tal‑ikklerjar għal pagamenti individwali u biex jipprovdi faċilitajiet għaliha.