News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

19/11/2026 13:55:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jilqa’ delegazzjoni mill-FMI

Il-Bank Ċentrali ta' Malta laqa' delegazzjoni mill-Fond Monetarju Internazzjonali, immexxija mid-Deputat Direttur Maniġerjali s-Sur Kenji Okamura. Din il-laqgħa kienet bħala parti minn żjara uffiċjali bil-għan li jissaħħaħ id-djalogu dwar żviluppi ekonomiċi u finanzjarji ewlenin ta' Malta u l-iskambju ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet strateġiċi fuq żmien twil.

Id-delegazzjoni kellha sensiela ta' laqgħat ma' partijiet interessati nazzjonali, ewlenin fosthom mal-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta' Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dawn il-laqgħat servew ta' opportunità għal skambju ta' fehmiet dwar il-politika fiskali, l-iżviluppi ekonomiċi, ir-riformi fl-amministrazzjoni tad-dħul, ix-xejriet tat-turiżmu u l-isfidi tal-infrastruttura.

Il-programm kien jinkludi wkoll żjarat f'siti ekonomiċi u industrijali ewlenin f'Malta u Għawdex.

Fil-kummenti tiegħu dwar iż-żjara, il-Gvernatur Alexander Demarco nnota li dawn l-impenji jipprovdu pjattaforma siewja għall-iskambju ta' perspettivi dwar il-politika ekonomika u l-iżviluppi globali filwaqt li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali.

Iż-żjara kienet parti mill-impenn kontinwu tal-Bank Ċentrali ta' Malta biex irawwem djalogu ma' sħab internazzjonali u jippromwovi diskussjonijiet infurmati dwar ir-reżiljenza ekonomika u l-istabbiltà finanzjarja.

Ritratt tal-Grupp

Ritratt: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta

Lura lejn l-Arkivju