News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
11/11/2026 13:30:00
Seminar dwar l-Istabbiltà Finanzjarja: Fruntieri ġodda tar-riskju
Fil-11 ta' Novembru 2026, il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza s-Seminar annwali tiegħu dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja f'Binja Laparelli. Dan l-avveniment laqqa' flimkien ir-regolaturi u l-professjonisti tal-industrija sabiex jiddiskutu r-riskji emerġenti u l-vulnerabbiltajiet li qed jevolvu u li qed tiffaċċja s-sistema finanzjarja f'dinja dejjem aktar kumplessa u interkonnessa.
Fid‑diskors tal‑ftuħ, is‑Sur Alexander Demarco, il-Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, irrifletta fuq kif qiegħda tiżviluppa l-analiżi tal‑istabbiltà finanzjarja u kif jitwessa' x-xenarju tar‑riskju, u kif ir‑riskji finanzjarji tradizzjonali jinteraġixxu dejjem aktar ma' riskji ġodda assoċjati mal‑avvanzi teknoloġiċi, il‑frammentazzjoni ġeopolitika u t‑tibdil fil‑klima. F'dan l‑isfond, il‑Gvernatur enfasizza l‑importanza ta' oqfsa ta' governanza robusti u ta' monitoraġġ li jħarsu 'l quddiem sabiex jappoġġaw ir‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja f'dan l‑ambjent li qed jinbidel.
Wara, Dr Tuomas Peltonen, Deputat Kap tas-Segretarjat tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, għamel id-diskors ewlieni dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-riskju sistemiku. Fit-tieni preżentazzjoni tiegħu, dwar l-immappjar tas-sistema finanzjarja tal-UE, Dr Peltonen eżamina l-interkonnessjonijiet bejn il-banek, l-assiguraturi, il-fondi ta' investiment, u l-infrastrutturi finanzjarji u l-irwol tagħhom fit-trażmissjoni tax-xokkijiet fis-sistema finanzjarja kollha. Il-programm kien jinkludi wkoll preżentazzjoni dwar l-użu tad-data tas-sistema ta' pagamenti biex issostni l-ittestjar tal-istress ċibernetiku f'Malta.

Ritratt: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta
Is-Sur Kasperi Korpinen, Senior Economist fil-Bank tal-Finlandja, għamel preżentazzjoni dwar l-użu tas-simulazzjonijiet tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju għall-ittestjar tal-istress ċibernetiku. Fis-seminar ippreżenta wkoll ir-riċerka u l-ħidma analitika dwar materji rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja. Dawn kienu jinkludu l-iżvilupp ta' għodod biex tiġi evalwata l-vulnerabbiltà tal-banek għar-riskji ġeopolitiċi, l-irwol tal-kreditu bankarju fil-finanzjament tax-xiri ta' proprjetà residenzjali f'Malta, u r-riċerka dwar il-prezz tal-ishma tal-banek Maltin.
Fir-rimarki tal-għeluq, is-Sur Oliver Bonello, id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, irrakkomanda metodu għall-istabbiltà finanzjarja li jħares 'il quddiem u bbażat fuq l-evidenza. Enfasizza l-opportunitajiet tal-IA flimkien ma' governanza tajba, salvagwardji u reżiljenza operazzjonali. Semma l-ħtieġa li jiġu evalwati l-interazzjonijiet bejn ir-riskji teknoloġiċi, ċibernetiċi u ġeopolitiċi flimkien ma' vulnerabbiltajiet stabbiliti, kif ukoll l-importanza ta' tħejjija bikrija għat-theddid potenzjali tal-computing kwantistiku għas-sigurtà kriptografika. Id-Deputat Gvernatur afferma mill-ġdid l-investiment kontinwu tal-Bank f'data granulari, oqfsa analitiċi, analiżi tax-xenarji u ttestjar tal-istress, appoġġati minn kooperazzjoni bejn esperti lokali u internazzjonali sabiex jiġu indirizzati r-riskji li qed jevolvu kontinwament.
Lura lejn l-Arkivju