News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
29/10/2026 15:49:00
Stqarrija tal-Gvernatur – Laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar il-Politika Monetarja ta’ Ottubru 2026
Illum, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-istess livell, wara li kien żiedhom f'Settembru. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, li bħalissa tirrifletti bl-aħjar mod il-pożizzjoni tal-politika monetarja, tibqa' fil-livell ta' 2.5%.
L-Istqarrija dwar il-Politika Monetarja maħruġa mill-BĊE, flimkien mat-tħabbira ta' din id-deċiżjoni, tispjega r-raġunijiet warajha.
Bħala membru tal-Kunsill Governattiv, nappoġġja din id-deċiżjoni. L-evalwazzjoni personali tiegħi hija primarjament ibbażata fuq ir-raġunijiet imfissra hawn taħt.
F'Settembru, l-inflazzjoni ġenerali kienet ogħla b'mod ċar minn dak li kien previst fl-eżerċizzju tat-tbassir makroekonomiku (MPE) ta' Settembru, minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija kienu, u għadhom, ferm ogħla mil-livelli previsti fix-xenarju bażi tal-MPE ta' Settembru.
Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, huwa probabbli li l-prospetti għall-inflazzjoni ġenerali jiġu riveduti 'l fuq. Minkejja dan, ir-riskji għadhom ixaqilbu lejn inflazzjoni ogħla, peress li ż-żieda fl-intensità u fit-tul tax-xokk fil-prezzijiet tal-enerġija, flimkien mal-prospetti ta' inflazzjoni ogħla fil-prezzijiet tal-ikel, iżidu r-riskju ta' effetti indiretti u effetti sekondarji.
Madankollu, l-aħħar data dwar l-inflazzjoni eskluża dik tal-enerġija u ikel tindika li s'issa, l-effetti indiretti għadhom limitati u ġeneralment konformi mal-aspettattivi tal-MPE ta' Settembru. L-iżviluppi fil-pagi fiż-żona tal-euro kienu wkoll ġeneralment kif previst fl-MPE, filwaqt li sal-lum, ma hemm l-ebda sinjal evidenti ta' effetti sekondarji, li huma kruċjali għall-finijiet tal-politika monetarja.
Fl-istess waqt, il-kundizzjonijiet għall-finanzjament saru kemxejn aktar restrittivi minn mindu saret l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Governattiv, u jistgħu jsiru aktar restrittivi hekk kif l-effett taż-żidiet preċedenti fir-rati tal-imgħax ikompli jinħass fir-rati tal-imgħax fuq is-self tal-banek. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu affettwati wkoll minn riskji fiskali, speċjalment f'dawk l-Istati Membri li dalwaqt ser ikollhom l-elezzjonijiet. Kif indikat ukoll fl-aħħar Stħarriġ fuq is-Self tal-Banek, kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar restrittivi x'aktarx li jnaqqsu d-domanda u b'hekk ikollhom l-effett li jrażżnu kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll l-inflazzjoni.
Għaldaqstant, fid-dawl ta' dawn il-bidliet sinifikanti, li għandhom implikazzjonijiet differenti għall-inflazzjoni, u f'kuntest ta' inċertezza għolja, huwa xieraq li s-sitwazzjoni tiġi evalwata mill-ġdid f'Diċembru, meta tkun disponibbli evalwazzjoni aktar komprensiva u rigoruża tal-prospetti għall-inflazzjoni.
Filwaqt li l-Kunsill Governattiv ser ikompli jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skont id-data li jkollu quddiemu u minn laqgħa għal oħra jibqa' impenjat li jfassal politika monetarja li tiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-livell ta' 2% fuq żmien medju.
Lura lejn l-Arkivju