News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
30/09/2026 10:55:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Settembru
L‑attività ekonomika baqgħet madwar il‑medja storika
L‑attività ekonomika f'Malta baqgħet madwar il‑medja storika. L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika tnaqqis marġinali fil-kundizzjonijiet tan-negozju f'Awwissu, u baqa' ftit taħt il-medja storika. Min-naħa l-oħra, il-produzzjoni industrijali u tas-servizzi u l-attività tal-bejgħ bl-imnut kibru b'ritmu aktar mgħaġġel f'Lulju, kif għamlet ukoll il-produzzjoni tas-servizzi f'Ġunju. Il-prestazzjoni tas-settur tat-turiżmu baqgħet b'saħħitha f'Lulju.
Is-sentiment tal-konsumaturi mmodera f'Awwissu iżda baqa' f'livell ferm ogħla mill-medja storika.
Id-domanda fis-suq tal-proprjetà baqgħet relattivament b'saħħitha. F'Awwissu, in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ u konvenji kien ogħla meta mqabbel ma' sena qabel u max-xahar preċedenti. Min-naħa l-oħra, il-permessi approvati għal bini residenzjali u kummerċjali naqsu meta mqabbla max-xahar ta' qabel. Meta mqabbla mas-sena ta' qabel, il-permessi residenzjali naqsu filwaqt li l-permessi kummerċjali żammew kważi l-istess livell.
F'Lulju, ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess fil-livell ta' 3.5% meta mqabbla ma' Ġunju, iżda kienet ogħla minn dik irreġistrata fl-istess xahar ta' sena qabel. Sadattant, l-aspettattivi tal-konsumaturi dwar il-qgħad f'Awwissu żdiedu minn xahar qabel.
Ir‑rata tal‑inflazzjoni ta' Malta naqset marġinalment f'Awwissu u baqgħet ferm inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.0%, tnaqqis minn 2.1% f'Lulju, filwaqt li l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienet fil-livell ta' 2.2%. Fiż-żona tal-euro, kemm l-inflazzjoni HICP kif ukoll l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienu ogħla minn dawk f'Malta minħabba inflazzjoni ogħla tal-enerġija. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Awwissu naqset għal 2.6%.
F'Lulju, il-Fond Konsolidat irrapporta defiċit ikbar meta mqabbel ma' sena qabel, u dan jirrifletti żieda aktar qawwija fl-infiq tal-gvern meta mqabbel mad-dħul tal-gvern.
F'Lulju, ir-rata annwali tat-tkabbir tad‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedet meta mqabbla ma' Ġunju. Sadattant, il‑kreditu lir‑residenti Maltin kompla jikber iżda b'ritmu inqas mgħaġġel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju