News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

31/08/2026 09:10:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika L-Aġġornament Ekonomiku ta’ Awwissu

L‑attività ekonomika baqgħet b'mod ġenerali mal‑medja storika

L‑attività ekonomika f'Malta baqgħet b'mod ġenerali viċin il‑medja storika. L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika titjib moderat fil-kundizzjonijiet tan-negozju f'Lulju, għalkemm kemxejn taħt il-medja storika. F'Ġunju l-bejgħ bl-imnut kiber b'rata aktar moderata, kif għamlet ukoll il-produzzjoni tas-servizzi f'Mejju. Filwaqt li l-produzzjoni industrijali naqset meta mqabbla mal-istess xahar sena qabel u baqgħet volatili, is-settur tat-turiżmu żamm il-pass qawwi tiegħu f'Ġunju.

Is-sentiment tal-konsumaturi naqas f'Lulju iżda baqa' ferm ogħla mill-medja storika. L-aspettattivi dwar il-qgħad baqgħu taħt il-livelli storiċi tagħhom, u komplew jindikaw qgħad baxx fit-tnax-il xahar li ġejjin.

B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-proprjetà għadhom b'saħħithom. F'Lulju, il-permessi approvati għal skopijiet residenzjali u kummerċjali naqsu meta mqabbla ma' sena qabel, iżda kienu ogħla minn dawk fix-xahar ta' qabel. Min-naħa tad-domanda, kemm il-kuntratti ta' bejgħ kif ukoll il-konvenji wrew xejriet simili għal dawk tal-permessi.

F'Ġunju, ir-rata tal-qgħad naqset bi ftit għal 3.5% meta mqabbla ma' Mejju, iżda kienet ogħla minn dik irreġistrata fl-istess xahar sena qabel.

Ir‑rata tal‑inflazzjoni ta' Malta żdiedet marġinalment f'Lulju għalkemm kienet ferm inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.1%, żieda minn 2.0% f'Ġunju, filwaqt li l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienet fil-livell ta' 2.3%. Fiż-żona tal-euro, kemm l-inflazzjoni HICP kif ukoll l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienu ogħla minn dawk f'Malta minħabba inflazzjoni ogħla tal-enerġija. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Lulju żdiedet għal 2.7%.

F'Ġunju, il-Fond Konsolidat irrapporta defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, li jirrifletti tkabbir aktar b'saħħtu fid-dħul tal-gvern.

Ir-rata annwali tat-tkabbir fid‑depożiti u l‑kreditu tar‑residenti Maltin ssaħħet meta mqabbla ma' Mejju.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju