News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

31/07/2026 08:21:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Lulju

L-attività ekonomika mmoderat iżda baqgħet mal-medja storika

L‑attività ekonomika f'Malta mmoderat iżda b'mod ġenerali baqgħet mal‑medja storika tagħha. Minn naħa waħda, l-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Ġunju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien kemxejn taħt il-medja storika, minħabba fatturi volatili li affettwaw il-profil tad-dħul mit-taxxi. Għalkemm il-manifattura u l-kummerċ bl-imnut immoderaw f'Mejju, bħalma għamlet il-produzzjoni tas-servizzi f'April, f'kull każ it-tkabbir kien ogħla mil-medja storika. Sadattant, is-settur tat-turiżmu f'Mejju kompla għaddej b'ritmu mgħaġġel.

Is-sentiment tal-konsumaturi żdied b'mod sinifikanti f'Ġunju u kien madwar l-ogħla livelli storiċi. Barra minn hekk l-aspettattivi dwar il-qgħad niżlu taħt il-medja storika.

B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-proprjetà għadhom relattivament b'saħħithom. F'Mejju, il-permessi approvati għall-bini residenzjali żdiedu meta mqabbla mas-sena l-oħra. Madankollu f'Ġunju, l-għadd ta' permessi kummerċjali approvati kien aktar baxx meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel. Min-naħa tad-domanda, l-għadd ta' konvenji għal binjiet residenzjali naqas f'Ġunju meta mqabbel ma' sena qabel, filwaqt li żdied l-għadd tal-kuntratti ta' bejgħ.

F'Ġunju, ir-rata tal-qgħad kienet ta' 3.5%, l-istess bħal f'Mejju, iżda kienet ogħla minn dik irreġistrata fl-istess xahar sena qabel.

Ir‑rata tal‑inflazzjoni ta' Malta naqset f'Ġunju u kienet ferm taħt dik fiż‑żona tal‑euro. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet minn 2.1% f'Mejju għal 2.0% f'Ġunju, filwaqt li l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.2%. Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla minn dik f'Malta minħabba l-inflazzjoni ogħla tal-prezzijiet tal-enerġija. L-inflazzjoni li teskludi l-prezzijet tal-ikel u l-enerġija f'Malta kienet ukoll taħt dik fiż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Ġunju naqset għal 2.5%.

F'Mejju, il-Fond Konsolidat irrapporta defiċit meta mqabbel ma' surplus sena qabel, minħabba bidla fiż-żmien meta tħallsu xi taxxi fuq id-dħul kif ukoll żieda sostanzjali fin-nefqa kapitali.

Ir-rata annwali tat-tkabbir tad‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedet filwaqt li t-tkabbir annwali fis-self baqa' viċin dak irreġistrat f'April.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju