News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

26/06/2026 12:25:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ġunju

Il-kundizzjonijiet tan-negozju jibqgħu 'l fuq mill-medja storika

L‑attività ekonomika f'Malta qed tkompli turi prestazzjoni b'saħħitha. L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Mejju t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali żdied bi ftit u baqa' ogħla mill-medja storika. Il-manifattura u l-kummerċ bl-imnut żdiedu f'April, waqt li l-produzzjoni tas-servizzi żdiedet f'Marzu. F'April, l-attività fit-turiżmu kompliet sejra tajjeb.

Minn Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ssospendiet ir-riżultati tal-istħarriġ tan-negozju għal Malta (u l-Estonja), minħabba bidliet fl-istituzzjonijiet li jagħmlu l-istħarriġ. Konsegwentement, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku, l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi u l-Indikatur tal-Inċertezza Ekonomika mhumiex disponibbli. Madankollu l-Indikatur tas-Sentiment tal-Konsumatur baqa' jiġi ppubblikat, u dan tjieb f'Mejju.

B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet fis-suq tal-proprjetà għadhom b'saħħithom. F'Mejju, il-permessi approvati u maħruġa għal bini kummerċjali żdiedu meta mqabbla ma' sena qabel. Min-naħa l-oħra, kemm in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqsu f'Mejju, meta mqabbla ma' sena qabel.

F'Mejju, l-aspettattivi dwar il-qgħad kif ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea żdiedu għal livell ogħla mill-medja storika tagħhom. Ir-rata tal-qgħad żdiedet bi ftit għal 3.6% f'April, u kienet ogħla mir-rata tax-xahar preċedenti u r-rata rreġistrata fl-istess xahar sena qabel.

Ir‑rata tal‑inflazzjoni ta' Malta naqset f'Mejju u kienet ferm taħt dik fiż‑żona tal‑euro. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.1% f'Mejju, filwaqt li l-inflazzjoni HICP mingħajr il-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel niżlet marġinalment għal 2.3%. Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla minn dik f'Malta minħabba ż-żieda fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija fiż-żona euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Mejju naqset.

F'April, il-Fond Konsolidat irrapporta surplus meta mqabbel ma' defiċit irreġistrat sena qabel, minħabba li ż-żieda fid-dħul tal-gvern kienet akbar miż-żieda fl-infiq tal-gvern.

Ir-rata annwali tat-tkabbir tad‑depożiti tar‑residenti Maltin battiet meta mqabbla ma' dik ta' Marzu, filwaqt li t-tkabbir annwali fis-self ma nbidilx.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju