News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
23/06/2026 14:26:00
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jippubblika Avviż dwar l-Aspettattivi Superviżorji fuq il-Mitigazzjoni tar-Riskji ta' Frodi fl-Ambjent ta’ Pagamenti Istantanji
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika
Avviż
dwar l‑Aspettattivi Superviżorji fuq il‑Mitigazzjoni tar‑Riskji ta' Frodi fl‑Ambjent ta' Pagamenti Istantanji indirizzat lil fornituri tas-servizzi ta' pagament li joperaw f'Malta.
Il-pubblikazzjoni ssegwi d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/886 dwar it-trasferimenti ta' kreditu istantanji fl-euro (ir-Regolament dwar il-Pagamenti Istantanji jew l-IPR), li jintroduċi diversi miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tal-pagamenti istantanji. Hekk kif is-servizzi ta' pagament ikomplu jevolvu lejn ambjent f'ħin reali, il-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti huma mistennija jkomplu jsaħħu l-qafas tagħhom għall-prevenzjoni tal-frodi u l-arranġamenti operattivi.
Id-dokument jistabbilixxi l-aspettattivi superviżorji tal-Bank fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-immaniġġjar tal-frodi tal-pagamenti, b'attenzjoni partikolari fuq frodi li jirriżulta minn pagamenti awtorizzati mill-vittma, inganni ta' impersonazzjoni u tipoloġiji emerġenti oħrajn ta' frodi. Id-dokument għandu l-għan li jippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri effettivi għall-immaniġġjar tar-riskji u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-utenti ta' servizzi ta' pagamenti.
L-aspettattivi superviżorji jkopru firxa ta' oqsma, inkluż il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet, l-awtentikazzjoni tal-konsumatur, il-proċessi ta' verifika tal-pagamenti, l-immaniġġjar tal-limiti tal-infiq, il-kontrolli tar-reġistrazzjoni tat-tagħmir, l-inizjattivi ta' għarfien għall-konsumatur, l-arranġamenti għall-iskambju tal-informazzjoni, it-taħriġ tal-impjegati u l-arranġamenti ta' governanza.
Dan id-dokument jipprovdi gwida dwar il-miżuri li l-Bank jistenna li l-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti jikkunsidraw u jimplimentaw, meta wieħed iqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-operat tagħhom. Il-Bank iqis li dawn l‑aspettattivi superviżorji huma pass importanti lejn il‑qafas futur għall‑prevenzjoni tal‑frodi previst skont ir-Regolament dwar is‑Servizzi ta' Pagament (PSR) li jmiss, li huwa mistenni li jkompli jsaħħaħ il‑monitoraġġ tal‑frodi, il‑miżuri ta' intervent u l‑ħarsien tal‑konsumatur madwar l‑Unjoni Ewropea.
Il-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti huma mistennija li jirrevedu l-kontrolli eżistenti tagħhom u jallinjaw il-qafas tagħhom għall-prevenzjoni tal-frodi mal-aspettattivi superviżorji sal-1 ta' Lulju 2027.
Il‑pubblikazzjoni tifforma parti mill‑isforzi kontinwi tal-Bank Ċentrali ta' Malta biex jappoġġa ekosistema ta' pagamenti sigura, effiċjenti u reżiljenti u biex isaħħaħ il‑fiduċja fost il-konsumaturi fil‑pagamenti elettroniċi.
Lura lejn l-Arkivju