News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

19/06/2026 13:01:00

Forum annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall‑Istabbiltà Finanzjarja

Fid‑19 ta' Ġunju 2026, il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza l‑Forum annwali għall‑Istabbiltà Finanzjarja f'Binja Laparelli. Bit-tema Financial Stability: Balancing Resilience and Complexity, il-Forum ġabar flimkien il-partijiet interessati ewlenin mill-industrija tas-servizzi finanzjarji u pprovda pjattaforma sabiex jiġu diskussi sfidi u żviluppi emerġenti li jsawru l-istabbiltà finanzjarja f'Malta.

Il-Forum kien ippresedut minn Alan Cassar, Uffiċjal Kap għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika.

Fir-rimarki tal-ftuħ tiegħu, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Alexander Demarco enfasizza li r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja qegħdin isiru dejjem aktar kumplessi u m'għadhomx limitati biss għall-konfini tradizzjonali tas-sistema finanzjarja. F'ambjent ikkaratterizzat minn inċertezza akbar u interkonnettività li qed tikber, il-vulnerabbiltajiet jistgħu jibqgħu moħbija għal perjodi twal qabel ma jimmaterjalizzaw f'daqqa b'konsegwenzi sinifikanti. Enfasizza l-ħtieġa għal approċċ makroprudenzjali aktar progressiv u olistiku, sostnut minn għodod analitiċi aktar b'saħħithom u analiżi bbażata fuq ix-xenarji, sabiex tiġi salvagwardjata r-reżiljenza.

Christian Mamo, Ekonomista Prinċipali fi ħdan id-Dipartiment għas-Sorveljanza tal-Istabbiltà Finanzjarja u l-Valutazzjoni tar-Riskju, ippreżenta heatmap għar-riskji sistemiċi. Dan il-qafas huwa kapaċi jidentifika sorsi ta' riskji emerġenti. Andrew Spiteri, Viċi Kap fi ħdan l‑istess Dipartiment, imbagħad ippreżenta r‑riżultati ta' stħarriġ li l-Bank Ċentrali ta' Malta għamel mas-settur bankarju Malti fuq ir-riskji emerġenti fis-sistema finanzjarja Maltija. L-istħarriġ ġie wkoll diskuss f'panel ta' esperti fejn ħarġet ċara l-importanza ta' djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet u l-parteċipanti fis-swieq. Dan il-panel kien magħmul minn: Giovanni Bartolotta mill-APS Bank plc, Kenneth Farrugia mill-Bank of Valletta plc, Josef Borg Fiorentino mill-FCM Bank Ltd, Jenny Bartolo mill-IIG Bank (Malta) Ltd u Alan Cassar mill-Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑panel kien immexxi minn Wendy Zammit, Kap tad‑Dipartiment għas‑Sorveljanza tal‑Istabbiltà Finanzjarja u l‑Valutazzjoni tar‑Riskju fil‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Sessjonijiet oħra fil-Forum iffukaw fuq il-ħidma tal-Bank fuq indikaturi analitiċi tar-riskji fiżiċi relatati mal-klima, ippreżentati minn Roxanne Spiteri, Statistician, u Kristen Carabott, Principal Statistician, li jirriflettu r-rilevanza dejjem tikber ta' fatturi ambjentali fl-analiżi tal-istabbiltà finanzjarja. Mariah Dimech u Paul Giordmaina, Ekonomisti Prinċipali fi ħdan id-Dipartiment għall-Politika Makroprudenzjali, l-Ittestjar tal-Istress u r-Riċerka, spjegaw l-oqsma ewlenin ta' simplifikazzjoni regolatorja li bħalissa qegħdin jiġu diskussi mill-istituzzjonijiet tal-UE inklużi l-Kummissjoni Ewropea u l-BĊE, f'fora fejn il-Bank huwa involut b'mod attiv.

Il-programm ingħalaq bi preżentazzjoni mis-Senior Economist mill-istess dipartiment, Kanan Musayev, dwar l-aħħar riżultati tal-ittestjar tal-istress, li pprovda għarfien addizzjonali dwar ir-reżistenza tas-settur bankarju f'xenarji negattivi.

Fir-rimarki tal-għeluq tiegħu, id-Deputat Gvernatur Oliver Bonello enfasizza li, f'ambjent dejjem aktar kumpless u inċert, is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja teħtieġ ir-reżiljenza sabiex tevolvi biex toffri ħarsien mir-riskji kemm dawk tradizzjonali kif ukoll emerġenti. Enfasizza l-importanza ta' valutazzjoni tar-riskju li tħares 'il quddiem, regolamentazzjoni proporzjonata u bbażata fuq ir-riskju, u djalogu kontinwu fost il-partijiet interessati sabiex tiġi ppreservata r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja Maltija.

Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja

Ritratt: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta

Lura lejn l-Arkivju