News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

16/06/2026 09:06:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippremja lir‑rebbieħa tal‑Isfida EuroSteps Walking

Riċentement, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppremja lir‑rebbieħa tal‑Isfida EuroSteps Walking, inizjattiva ta' litteriżmu finanzjarju organizzata mill‑Bank Ċentrali Ewropew b'kollaborazzjoni mal‑banek ċentrali nazzjonali tal‑Eurosistema.

L‑inizjattiva tifforma parti mill‑isforzi kontinwi tal‑Bank sabiex jippromwovi l‑litteriżmu finanzjarju u jqajjem kuxjenza akbar dwar l‑importanza ta' teħid ta' deċiżjonijiet finanzjarji infurmati. Fl-istess waqt, l-isfida ħeġġet ukoll lill-parteċipanti biex jadottaw stil ta' ħajja aktar san billi jgħaqqdu l-għarfien finanzjarju mal-attività fiżika.

L-inizjattiva kienet ta' suċċess kbir f'Malta, tant li attirat aktar minn 425 parteċipant/a u ġġenerat impenn qawwi matul l-isfida. Il-parteċipanti wrew impenn u entużjażmu, bl-aqwa parteċipanti jaqbżu l-1.2 miljun pass kull wieħed matul ix-xahar ta' April.

Fl‑okkażjoni, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alexander Demarco, enfasizza l‑importanza tal‑litteriżmu finanzjarju fl‑ambjent finanzjarju tal‑lum li dejjem qed isir aktar kumpless. Il‑Gvernatur innota li l‑litteriżmu finanzjarju jattrezza lill‑individwi bl‑għarfien u l‑ħiliet meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati, jimmaniġġjaw il‑finanzi personali b'mod responsabbli, u jippjanaw b'mod effettiv għall‑futur.

EuroSteps
Mix-xellug: Id-Deputat Gvernatur Oliver Bonello, il-Gvernatur Alexander Demaro, is-Sur Oliver Mallia
u d-Deputat Gvernatur Rita Schembri

Ritratt: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta

Matul l-avveniment, ġew ippreżentati ċertifikati u premjijiet lir-rebbieħa b'rikonoxximent tad-dedikazzjoni, il-perseveranza, u l-kisbiet tagħhom. Ir-rebbieħ tal-isfida, is-Sur Oliver Mallia, ingħata €600, filwaqt li l-parteċipant fit-tieni post, is-Sur Vincent Camilleri, irċieva €400.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' impenjat li jippromwovi l‑litteriżmu finanzjarju permezz ta' inizjattivi u kollaborazzjonijiet li għandhom l‑għan li jsaħħu l‑kapaċità finanzjarja u l‑benesseri fis‑soċjetà.

Lura lejn l-Arkivju