News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
11/06/2026 11:18:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport tiegħu dwar l-Informazzjoni Finanzjarja Relatata mal-Klima għall-Portafoll ta’ Investiment għas-sena 2025
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika r-raba' Rapport tiegħu dwar l-Informazzjoni Finanzjarja Relatata mal-Klima għall-Portafolji ta' Investiment li mhumiex marbuta mal-Politika Monetarja (NMPPs). Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar il-karatteristiċi relatati mal-klima tal-portafolji ta' investiment tal-Bank għall-2025.

Ir-rapport jifforma parti mill-metodu koordinat tal-Eurosistema dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni relatata mal-klima u għandu l-għan li jappoġġa t-trasparenza u l-konsistenza fost il-banek ċentrali. Jispjega kif il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima huma integrati fi ħdan l-istrateġija ta' investimenti tal-Bank, l-immaniġġjar tal-portafoll, u l-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji.
L-informazzjoni ppubblikata din is-sena tkompli tippreżenta firxa ta' metriċi klimatiċi retrospettivi, inklużi l-Intensità Medja tal-Karbonju (WACI), l-Emissjonijiet Totali tal-Karbonju (TCE) u l-Impronta tal-Karbonju (CF). Dawn l-indikaturi jindikaw titjib fil-profil tal-karbonju tul iż-żmien, b'metriċi ewlenin bħall-impronta tal-karbonju u WACI li juru xejra ta' tnaqqis mill-2021 'l hawn. Indikaturi li jħarsu 'l quddiem li jivvalutaw il-miri klimatiċi tal-emittenti u l-allinjament tat-tranżizzjoni jikkumplimentaw din l-analiżi.
Ir-rapport itenni wkoll il-metrika ewlenija dwar l-esponiment korporattiv għal setturi sensittivi relatati man-natura, li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-edizzjoni preċedenti. Filwaqt li jibni fuq il-pubblikazzjonijiet preċedenti, il-Bank qed jirrapporta għall-ewwel darba metriċi relattivi tal-emissjonijiet Scope 3 għal investimenti fi strumenti li mhumiex maħruġa minn stati sovrani. Dan jikkontribwixxi għal valutazzjoni aktar komprensiva tal-emissjonijiet tal-portafoll u tar-riskji marbuta mat-tranżizzjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li l-metodoloġiji u l-kopertura tad-data f'dan il-qasam għadhom qed jevolvu.
Ir-rapport jinkludi wkoll il-metrika ewlenija dwar kemm investimenti fi strumenti maħruġa minn kumpaniji huma esposti għal setturi sensittivi għall-ambjent naturali, li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-edizzjoni preċedenti. Filwaqt li jibni fuq il-pubblikazzjonijiet preċedenti, il-Bank qed jirrapporta għall-ewwel darba metriċi relattivi tal-emissjonijiet Scope 3 għal investimenti mhux maħruġa minn stati sovrani. Dan jikkontribwixxi għal valutazzjoni aktar komprensiva tal-emissjonijiet tal-portafoll u tar-riskji marbuta mat-tranżizzjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li l-metodoloġiji u l-firxa tal-istatistika f'dan il-qasam għadhom qed jevolvu.
Matul il‑perjodu ta' rappurtar, il‑Bank kompla jintegra kunsiderazzjonijiet relatati mal‑klima fil‑qafas tiegħu dwar l-investimenti. Dan kien jinkludi ż-żamma ta' grad għoli ta' allinjament tal-investimenti f'ishma mal-parametri referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, bl-applikazzjoni ta' kriterji ta' esklużjoni fejn xieraq, u ż-żieda f'bonds ekoloġiċi, soċjali u sostenibbli, li żdiedu b'aktar mid-doppju minn 6% fl-2021 għal 14% sal-2025. Dawn il-miżuri huma kkumplimentati mill-monitoraġġ kontinwu ta' fondi mmaniġġjati minn terzi skont standards ta' sostenibbiltà stabbiliti u l-użu kontinwu ta' indikaturi relatati mal-klima biex jappoġġaw il-valutazzjoni tal-portafoll u t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-investiment.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser ikompli jirfina l-pubblikazzjoni finanzjarja tiegħu relatata mal‑klima hekk kif jevolvu d‑disponibbiltà, il‑konsistenza u l‑qafas metodoloġiku tal-istatistika f'dan ir-rigward. Dan filwaqt li jirrikonoxxi l‑limitazzjonijiet u l‑isfidi assoċjati ma' statistika relatata mal‑klima. Il‑Bank, flimkien mal‑Bank Ċentrali Ewropew u l‑Eurosistema, jibqa' impenjat li jkompli jsaħħaħ l‑ambitu u l‑komparabbiltà ta' dawn il-pubblikazzjonijiet, f'konformità mal‑mandat tiegħu u bl‑aħjar proċeduri hekk kif jevolvu.

Lura lejn l-Arkivju