News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
13/05/2026 10:00:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fir-raba’ kwart tal-2025
Fir-raba' kwart tal‑2025, it‑tkabbir fil‑Prodott Domestiku Gross (PDG) reali aċċellera meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Id-domanda domestika u l-esportazzjoni netta kkontribwew kważi l-istess għal dan it-tkabbir. Ir-ritmu ta' tkabbir kien aktar minn ħames darbiet ogħla mill-medja taż-żona tal-euro.
Hekk kif iż-żieda fil-livell tal-PDG qabżet dik fil-produzzjoni potenzjali, is-surplus fil-produzzjoni żdied.
L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju baqa' pjuttost stabbli u baqa' jindika li r‑ritmu tal‑attività ekonomika kien ftit ogħla mill‑medja storika.
Is‑suq tax‑xogħol baqa' pożittiv fost żieda fl-attività u r-rata ta' impjieg. Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti żdiedet. L-indikatur tal-iskarsezza tax-xogħol, li huwa l-proporzjon tar-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti mqabbel mar-rata tal-qgħad, baqa' għoli. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta baqa' ogħla minn dak fiż-żona tal-euro. Ir-rata tal-qgħad żdiedet iżda baqgħet ferm iżjed baxxa minn dik fiż-żona tal-euro.
L-inflazzjoni għall-konsumatur żdiedet bi ftit fir-raba' kwart tal-2025. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.5% f'Diċembru, żieda minn 2.4% f'Settembru. L-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel naqset marġinalment biex għalqet il-kwart fil-livell ta' 2.3%. Għalkemm l-inflazzjoni skont l-HICP qabżet dik taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel kienet bħall-medja taż-żona tal-euro.
Fir-raba' kwart tal-2025, il-gvern ġenerali rreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel. Meta mkejjel b'mod kumulattiv fuq erba' trimestri, il‑proporzjon tad‑defiċit fil‑PDG naqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mat‑tielet kwart tal‑2025 u niżel taħt dak fiż‑żona euro. Il‑proporzjon tad‑dejn baqa' relattivament l-istess bħal dak irreġistrat fil-kwart ta' qabel u kien ferm anqas minn dak taż‑żona euro.
Fl-aħħar kwart tal-2025 u sal-aħħar laqgħa tiegħu marbuta mal-politika monetarja f'April, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm ir-rati ewlenin tal-imgħax kif kienu. Il-Kunsill tenna li l-gwerra fil-Lvant Nofsani għamlet il-prospetti ferm aktar inċerti. Minkejja dan, il-Kunsill jinsab f'pożizzjoni b'saħħitha sabiex jiffaċċja din l-inċertezza. Ir-riskji għall-inflazzjoni huma 'l fuq, filwaqt li r-riskji għat-tkabbir ekonomiku huma ta' xejra negattiva.
It-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2026 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.
Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.
Lura lejn l-Arkivju