News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

30/04/2026 08:14:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ April

Is-sentiment ekonomiku jibqa' reżiljenti u l-inflazzjoni tibqa' stabbli

L‑attività ekonomika f'Malta tibqa' b'saħħitha, għalkemm is-sitwazzjoni fis-settur tas-servizzi tidher aħjar minn dik fil-manifattura. L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Marzu, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' f'livell ogħla mill-medja storika. Sadattant kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni industrijali fi Frar, filwaqt li aċċellera t-tkabbir sena fuq sena fil-kummerċ bl-imnut. Il-produzzjoni tas-servizzi naqset f'Jannar wara żieda marġinali xahar qabel, filwaqt li l-attività fit-turiżmu fi Frar baqgħet eċċezzjonalment b'saħħitha.

Minkejja l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, is-sentiment fost in-negozji u l-konsumaturi Maltin kien pożittiv ħafna. Barra minn hekk, l-inċertezza baqgħet baxxa. Fil-fatt, f'Marzu, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tela' bi ftit u baqa' ogħla mill-medja storika, filwaqt li l-Indikatur tal-Inċertezza Ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea sar negattiv.

Is-suq tal-proprjetà baqa' b'saħħtu li jirrifletti titjib kemm fil-kundizzjonijiet tal-provvista kif ukoll tad-domanda. Fi Frar, il-permessi approvati għall-bini residenzjali żdiedu meta mqabbla ma' sena ilu, iżda l-permessi għall-bini kummerċjali naqsu. F'Marzu, kemm in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.

Id-domanda għall-ħaddiema tibqa' għolja, bl-Indikatur tal-Aspettattivi tal-Impjieg (EEI) tal-Kummissjoni Ewropea ogħla mill-medja storika u b'żieda sinifikanti xahar fuq xahar. Sadattant, ir‑rata tal‑qgħad fi Frar baqgħet l‑istess fil-livell ta' 3.5% għat‑tielet xahar konsekuttiv, iżda kienet ogħla meta mqabbla mal‑istess xahar sena qabel.

Ir‑rata tal‑inflazzjoni ta' Malta baqgħet stabbli matul ix‑xahar ta' Marzu minkejja ż‑żieda fil‑prezzijiet globali tal‑enerġija. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) baqgħet fl-istess livell ta' 2.3%, filwaqt li l-inflazzjoni HICP mingħajr il-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, kienet fil-livell ta' 2.4%. Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla minn dik f'Malta minħabba żieda fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Meta teskludi l‑prezzijiet tal‑enerġija u tal‑ikel, l‑inflazzjoni HICP f'Malta kienet kemxejn ogħla. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Marzu telgħet bi ftit għal 2.7%.

Fi Frar, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus ogħla meta mqabbel ma' dak irreġistrat sena qabel, minħabba ż-żmien tad-dħul mit-taxxa tal-kumpaniji.

Il-bidla fir-rata annwali fid‑depożiti tar‑residenti Maltin aċċellerat filwaqt li t-tkabbir annwali fis-self immodera fi Frar, meta mqabbel ma' Jannar.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju