News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
29/04/2026 11:30:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa f’Seminar Tekniku tan-Network Ewropew tal-ISSA
Fit-28 ta' April, il-Kap Ekonomista tal-Bank, Dr Aaron G. Grech, flimkien mal-ekonomista ewlieni għar-riċerka fl-Uffiċċju għall-Immudellar is-Sur Glenn Abela, taw preżentazzjoni f'seminar tekniku reġjonali organizzat mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (ISSA). Dan is-seminar, li sar bejn it-28 u d-29 ta' April fil-Belt Valletta, iddiskuta "It-tnaqqis fir-rati tat-twelid fl-Ewropa: Sfidi u reazzjonijiet tas-sigurtà soċjali" u inkluda sessjoni speċjali inizjali sabiex jiġu ċċelebrati s-70 sena tas-Sigurtà Soċjali f'Malta.
|

|

|
| Dr Aaron G. Grech |
Is-Sur Glenn Abela |
In-Network Ewropew tal-ISSA jiġbor flimkien 110 organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn 46 pajjiż. L-avveniment laqqa' flimkien aktar minn 130 maniġer u esperti ewlenin minn madwar l-Ewropa, b'kelliema mill-ISSA, l-OECD, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, id-Dipartiment tal-Attwarju tal-Gvern tar-Renju Unit u l-istituzzjonijiet Ewropej tas-sigurtà soċjali.

Dr Grech u s-Sur Abela taw preżentazzjoni dwar l-innovazzjonijiet riċenti fil-politika fil-pensjonijiet, il-benefiċċji fl-età tax-xogħol, il-benefiċċji għat-tfal u miżuri oħra għat-tnaqqis tal-faqar. Il-kontribut tagħhom iffoka, fost l-oħrajn, fuq l-impatt tal-introduzzjoni tal-benefiċċju relatat max-xogħol u l-aġġustament addizzjonali tal-għoli tal-ħajja, ir-riformi fit-tassazzjoni tal-pensjonijiet u l-miżuri biex tittejjeb il-ġenerożità tagħhom. Instab li dawn l-iskemi tejbu d-dħul disponibbli b'mod sinifikanti fost il-gruppi vulnerabbli u wasslu għal tnaqqis fil-faqar. Dawn ir‑riżultati tar-riċerka, u oħrajn li jibnu fuqhom, eventwalment ser jiġu ppreżentati fil‑pubblikazzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Aktar informazzjoni dwar l-avveniment tinsab fuq
is-sit elettroniku tal-ISSA.
Lura lejn l-Arkivju