News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
20/04/2026 15:20:00
Tnedija ta’ munita kommemorattiva li tfakkar il-25 anniversarju tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar
Sabiex jiġi mfakkar il-25 anniversarju tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar, meqjus bħala wieħed mill-aktar avvenimenti kulturali għeżież f'Malta, il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tal-fidda kommemorattiva speċjali. Din l‑inizjattiva, li hija r‑riżultat ta' kollaborazzjoni bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Awtorità Maltija għat‑Turiżmu, taċċenna s‑sinifikat dejjiemi tal‑logħob tan‑nar fil‑wirt Malti.

Il‑munita, li hi limitata għal 1,000 biċċa, tnediet fl‑20 ta' April 2026 fil‑Bank Ċentrali ta' Malta. Għal dan l-avveniment attendew Dr Charles Mangion, il-President tal‑Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u s‑Sur Carlo Micallef, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal‑istess Awtorità. Min-naħa tal-Bank Ċentrali ta' Malta attendew id‑Deputat Gvernatur responsabbli għall‑politika monetarja, is‑Sinjura Rita Schembri, u l‑Uffiċjal Kap tal‑Bank responsabbli għall‑operat bankarju, is‑Sur Benoit Waelkens.
Il‑munita, li hi maħduma f'0.999 fidda, għandha valur nominali ta' €10, tiżen 31.10 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 mm. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi l-logħob tan‑nar fuq il‑Port il‑kbir, li jservi bħala sfond tal‑Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar. Il-logħob tan-nar hu ppreżentat bil-kulur sabiex jirrifletti l-murtali kkuluriti li jdawlu s-sema waqt il-festival. Fuq in‑naħa ta' quddiem tal‑munita hemm l‑istemma araldika tar‑Repubblika ta' Malta, is‑sena tal‑ħruġ u l‑valur nominali.
In‑naħa ta' wara tal‑munita kienet imnaqqxa minn Pannos Goutzemiss, filwaqt li n‑naħa ta' quddiem kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. Il-muniti kienu maħduma fir-Royal Dutch Mint.

Il‑munita kommemorattiva tweġġaħ l‑istorja twila tal‑logħob tan‑nar f'Malta, u tissimbolizza tradizzjoni antika ta' seklu li hi profondament inkorporata fl‑identità kulturali tan-nazzjon. Id-disinn sabiħ tal-munita jservi kemm bħala oġġett ta' kollezzjoni kif ukoll bħala tifkira sinifikanti kemm għad-dilettanti tal-logħob tan-nar kif ukoll għall-viżitaturi. Din il-munita toffri opportunità unika sabiex tingħata iktar viżibbiltà lil dan l-avveniment storiku kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali. Il-logħob tan-nar jibqa' ċentrali għall-festa Maltija, li fl-2023 ġiet rikonoxxuta mill-UNESCO bħala parti mill-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità.
Filwaqt li enfasizza s-sinifikat ta' din l-inizjattiva, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, l-Onor. Ian Borg, irrimarka:
"Din il-munita kommemorattiva tagħti ġieħ kbir lill-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar, avveniment li għal 25 sena dawwal mhux biss is-smewwiet tagħna iżda wkoll l-identità kulturali u l-appell turistiku tal-Gżejjer Maltin. Dan jirrifletti l-impenn tagħna biex nsaħħu u niċċelebraw l-arti u t-tradizzjonijiet li jkomplu jattiraw viżitaturi distinti minn madwar id-dinja, u b'hekk Malta titqies bħala destinazzjoni unika u vibranti."
F'kumment dwar it-tnedija, is-Sur Carlo Micallef, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qal:
"It-tnedija ta' din il-munita kommemorattiva tiġbor fiha b'mod sabiħ l-essenza tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar, avveniment li jkompli jattira eluf ta' viżitaturi lejn il-gżejjer tagħna. Billi niċċelebraw din l-okkażjoni sinifikanti, mhux biss qegħdin nonoraw tradizzjoni għażiża iżda wkoll insaħħu l-appell ta' Malta bħala destinazzjoni turistika dinamika mibnija fuq esperjenzi kulturali awtentiċi."
Filwaqt li rriflettiet dwar is‑sinifikat kulturali tal‑munita, id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sinjura Rita Schembri qalet:
"Din il-munita kommemorattiva tagħti ġieħ lill-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar u x-xogħol artistiku li jirrappreżenta - tradizzjoni twila li ssaħħaħ l-appell turistiku ta' Malta u l-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni kulturali matul is-sena kollha."
L-edizzjoni tal-25 anniversarju tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar bdiet fin-Nadur, Għawdex, fit-18 ta' April. Iċ-ċelebrazzjonijiet imbagħad ikomplu madwar il-Port il-Kbir ikoniku fl-20 u l-25 ta' April, u jilħqu l-qofol tagħhom f'final grandjuż fit-30 ta' April.
Il-festival ta' din is-sena ser jinkludi madwar 40 tim lokali u internazzjonali tal-logħob tan-nar, li ser jippreżentaw wirjiet pirotekniċi spettakolari li jiċċelebraw kemm it-tradizzjoni kif ukoll l-innovazzjoni. L-avveniment ikompli jkollu rwol kruċjali sabiex jattira viżitaturi lejn il-Gżejjer Maltin barra mill-istaġun turistiku tas-sajf.
Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta
Lura lejn l-Arkivju