News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

30/03/2026 09:33:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Marzu

Is-sentiment ekonomiku jibqa' elevat

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li fi Frar, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali żdied bi ftit meta mqabbel mal-livell tax-xahar ta' qabel u baqa' ogħla mill-medja storika.

Fi Frar, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea naqas mill-ogħla livell storiku li ntlaħaq xahar qabel, iżda baqa' għoli. Sadattant, l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi niżel taħt il-medja storika. L-Indikatur tal-Inċertezza Ekonomika sar pożittiv, u dan jindika inċertezza akbar dwar id-deċiżjonijiet finanzjarji u kummerċjali.

F'Jannar, il-produzzjoni industrijali żdiedet fuq bażi annwali wara li naqset fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut kiber bl-istess rata sena fuq sena. Il-produzzjoni tas-servizzi naqset f'Diċembru wara li ma kibritx xahar qabel.

Ir-rata tal-qgħad kienet 3.4% f'Jannar - 0.2 ta' punt perċentwal ogħla mir-rata rreġistrata f'Diċembru.

Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Jannar naqsu fuq l-istess xahar sena ilu. Fi Frar, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.3% fi Frar, l-istess rata tax-xahar ta' qabel. L‑inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.2%. Filwaqt li l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP kienet ogħla minn dik taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija f'Malta kienet aktar baxxa minnha. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, l‑inflazzjoni fi Frar baqgħet fil-livell ta' 2.5%.

F'Jannar, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif iż-żieda fid-dħul tal-gvern kienet akbar miż-żieda fl-infiq.

Il-bidla fir-rata annwali fid‑depożiti u l‑kreditu tar‑residenti Maltin immoderat f'Jannar meta mqabbla ma' Diċembru.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju