News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

27/02/2026 15:37:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l‑Aġġornament Ekonomiku ta’ Frar

Is-sentiment ekonomiku fl-ogħla livell irreġistrat

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Jannar, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali żdiedet bi ftit meta mqabbla max-xahar ta' qabel u kienet ogħla mill-medja storika.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea żdied mix-xahar ta' qabel u laħaq l-ogħla livell irreġistrat. Sadattant, l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi tela' u kien f'livell ogħla mill-medja storika. L-Indikatur tal-Inċertezza Ekonomika laħaq livell storikament baxx; dan jindika livell baxx ta' inċertezza fir-rigward tad-deċiżjonijiet finanzjarji u kummerċjali.

F'Diċembru l-produzzjoni industrijali naqset, għalkemm b'rata iżgħar, filwaqt li aċċellera t-tkabbir annwali fil-kummerċ bl-imnut. F'Novembru, il-produzzjoni tas-servizzi naqset u reġġgħet lura l-irkupru osservat fix-xahar preċedenti.

Ir-rata tal-qgħad f'Diċembru żdiedet marġinalment meta mqabbla ma' Novembru, iżda fil-livell ta' 3.2% baqgħet baxxa minn perspettiva storika.

F'Diċembru, il-permessi għal binjiet residenzjali żdiedu fuq l-istess xahar sena ilu. F'Jannar, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.

F'Diċembru, il-bidla fir-rata annwali tad‑depożiti u l‑kreditu tar‑residenti Maltin żdiedet meta mqabbla ma' Novembru.

Sadattant, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.3% f'Jannar, tnaqqis mir-rata ta' 2.5% fix-xahar ta' qabel. L‑inflazzjoni - meta teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel - kienet fil-livell ta' 2.2%. Filwaqt li l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP kienet ogħla minn dik fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel f'Malta kienet daqs dik irregistrata fiż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni kienet fil-livell ta' 2.5% f'Jannar, tnaqqis minn 2.7% f'Dicembru.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju