News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
03/02/2026 11:50:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jirbaħ żewġ premjijiet fil‑Fiera Dinjija tal-Muniti f’Berlin
Matul il‑Fiera Internazzjonali tal‑Muniti li saret f'Berlin bejn id-29 ta' Jannar u l‑31 ta' Jannar 2026, il‑Bank Ċentrali ta' Malta kiseb żewġ titli tat-tielet post fil-premjijiet 'Les Amis De L'Euro'.

Il-munita kommemorattiva taż-€2 'In-Naħla Maltija' ġiet ikklassifikata bħala t-tielet l-isbaħ munita taż-€2 tas-sena. Din l-istess munita kienet ikklassifikata l-ewwel fl-istess avveniment is-sena li għaddiet fil-premju tad-Denominazzjoni Ewropea tas-Sena.
Sadattant, il-munita tal-€5 'Il-Gendus Malti' ikklassifikat it-tielet fil-premju tad-Denominazzjoni Ewropea tas-Sena.


Tassew huwa ta' unur kbir għall-Bank li jikseb dawn il-premjijiet fl-istess ħin u fl-istess avveniment. Dan filwaqt li jkollu wkoll disinn (In-Naħla Maltija) li s'issa diġà rebaħ tliet premjijiet. Dan is-suċċess huwa xhieda tal-ħila eċċellenti tas-sengħa tad-disinjaturi u l-inċiżuri mqabbda mill-Bank, kif ukoll id-dedikazzjoni u l-proċess metikoluż tal-impjegati tal-Bank fl-għażla tat-temi u d-disinn finali tal-muniti tiegħu.
Lura lejn l-Arkivju