News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
10/12/2024 09:18:00
Il‑President ta’ Malta ppreżentata munita li tfakkar il‑50 Anniversarju ta’ Malta Repubblika
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda edizzjoni limitata ta' munita tad-deheb sabiex jikkommemora l‑50 Anniversarju minn meta Malta saret Repubblika.

L-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco u l-President ta' Malta, l-Eċċellenza Tagħha
Myriam Spiteri Debono
L-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco ppreżenta din il-munita esklussiva lill-Eċċellenza Tagħha l-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono f'ċerimonja li saret fil-Bank Ċentrali ta' Malta.

Iffirmar tal-Ktieb tal-Viżitaturi
Fuq in‑naħa ta' wara tal‑munita nsibu rappreżentazzjoni tal-lapida kommemorattiva li tiċċelebra l-proklamazzjoni ta' Malta bħala repubblika fit‑13 ta' Diċembru 1974. Id-disinn kumpless tal-lapida jfakkar il-plakka kommemorattiva tar-Repubblika ta' Malta u jirrappreżenta mument storiku hekk kif esibit fuq il-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Dan ir-rikonoxximent artistiku jaċċenna l-wirt dejjiemi tal-mixja ta' Malta bħala repubblika u n-narrattiva storika sinjura tagħha.

Id-Diretturi tal-Bord tal-Bank mal-E.T. Myriam Spiteri Debono
Mix-xellug: Il-Professur Lauren Ellul, il-Professur Frank Bezzina, l-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, id-Deputat Gvernatur Oliver Bonello, il-Professur Peter J. Baldacchino u s-Sur Francis Bugeja
Il-munita tad-deheb tiżen 31.10g u b'dijametru ta' 33mm. Għandha valur nominali ta' €100 u hija maħduma f'0.999 deheb fil-verżjoni proof. Il-munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. Il-verżjoni tad-deheb hija limitata għal 65 munita li nħadmu fir-Royal Dutch Mint tan-Netherlands.

Impjegati tal-Malta Coin Centre mal-E.T. Myriam Spiteri Debono
Mix-xellug; Is-Sur Melvin Bugeja, is-Sa Lorraine Caruana, is-Sur Peter Paul Tabone, is-Sa Elaine Lenzo, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, l-Aġent Gvernatur Alexander Demarco, is-Sur Benoit Waelkens, is-Sa Josette Ellul, is-Sur Joseph Esposito, is-Sur Kevin Cassar
Il‑Bank ħareġ ukoll il‑verżjoni tal‑fidda tal-munita li tiżen 28.28g u b'dijametru ta' 38.61mm. Għandha valur nominali ta' €10 u hija maħduma f'0.925 fidda u f'verżjoni proof. Il-verżjoni tal-fidda hija limitata għal 1000 munita li nħadmu wkoll fir-Royal Dutch Mint tan-Netherlands.

Viżta fil-Mużew tal-Flus
Ritratti: Francis Debono
Waqt id-diskors tagħha, l-E.T. qalet li l-istorja tal-Bank Ċentrali ta' Malta hija intrinsikament relatata mal-istorja u l-iżvilupp tal-gżira, filwaqt li l-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco enfasizza l-fatt li l-munita kommemorattiva tagħti ġieħ lill-mixja storika u l-evoluzzjoni ta' Malta għal repubblika moderna. Din il‑munita tissimbolizza l‑kisbiet tal‑poplu Malti matul dawn l‑aħħar ħamsin sena.

Wirja tal-Muniti
Ritratt: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju