News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

29/11/2024 09:09:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Novembru

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali f'livell qrib il-medja storika  

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tela' marġinalment f'Ottubru meta mqabbel ma' Settembru u kien f'livell qrib il-medja storika.

L-indikatur tas-sentiment ekonomiku maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied u kien f'livell ogħla mill-medja storika. Sadattant, l-indikatur tal-aspettattivi dwar l-impjiegi naqas f'Ottubru iżda baqa' ogħla mill-medja storika.

L-aspettattivi tal-prezzijiet kienu mħallta fost is-setturi, bl-akbar żieda rreġistrata fl-industrija.

F'Settembru, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut żdiedu fuq sena qabel. F'Awwissu, it-tkabbir annwali fil-produzzjoni tas-servizzi mmodera meta mqabbel ma' Lulju. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika hekk kif baqgħet l-istess meta mqabbla ma' Awwissu u taħt ir-rata tal-istess xahar sena qabel.

Il-permessi residenzjali f'Settembru kienu ogħla mil-livell tal-istess xahar sena ilu. F'Ottubru, l-għadd ta' konvenji residenzjali żdied fuq l-istess xahar sena qabel filwaqt li n-numru ta' kuntratti ta' bejgħ kien taħt dak tal-istess xahar sena ilu.

Matul it-tnax-il xahar sa Awwissu, aċċellera t-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin, li jifforma parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3. Il-kreditu lir‑residenti Maltin żdied b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel max‑xahar ta' qabel minħabba tnaqqis fit-tkabbir fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali u lil residenti oħrajn.

F'Ottubru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.4%. Filwaqt li l-inflazzjoni totali f'Malta qabżet il-medja taż-żona tal-euro, il-miżura li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienet fil-livell ta' 2.2% - ferm inqas mir-rata fiż-żona tal-euro. Skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Ottubru kienet fil-livell ta' 1.6%, għaldaqstant aktar minn 1.2% f'Settembru.

F'Settembru, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus marġinalment ogħla meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif żieda fid-dħul tal-gvern kienet megħluba marġinalment minn żieda fl-infiq tal-gvern.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju