News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

22/11/2024 20:30:00

L-Indirizz tal-Aġent Gvernatur fl-Ikla Annwali tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta

Is‑Sur Alexander Demarco, l-Aġent Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, indirizza lill-mistednin waqt l‑ikla annwali tal‑Istitut għas‑Servizzi Finanzjarji għal Malta. Beda d-diskors tiegħu billi qal li t-tnaqqis fl-inflazzjoni madwar id-dinja wassal biex banek ċentrali ewlenin jibdew inaqqsu l-livell ta' ssikkar fil-politika monetarja.

Kien hemm ukoll tnaqqis fl-inflazzjoni fiż-żona tal-euro. F'dan l-isfond, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) beda jnaqqas ir-rati tal-imgħax f'Ġunju ta' din is-sena. Madankollu, "fil-livell attwali, il-politika monetarja għadha restrittiva" u "għad hemm spazju fejn il-Kunsill Governattiv jista' jkompli jnaqqas ir-rati."

L‑inflazzjoni mmoderat ukoll f'Malta, minkejja tkabbir ekonomiku qawwi kontinwu. Madankollu, "hemm diversi raġunijiet għalfejn għandna nkunu kawti fil-livell ta' ottimiżmu." Il-prospetti ekonomiċi jibqgħu sensittivi għat-tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi u l-frammentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra. Fatturi lokali, bħall-produttività u l-kapaċità tal-profitti tal-kumpaniji li jassorbu ż-żidiet fil-pagi, huma importanti wkoll. Barra minn hekk, għalkemm id-defiċit fiskali qed jonqos lejn it-3% tal-prodott domestiku gross (PDG) u l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jibqa' taħt is-60%, il-konsolidament fiskali jista' jkun aktar qawwi.

L-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco
L-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco

Ritratt: Pierre Sammut

L-istabbiltà finanzjarja ta' Malta ssaħħet f'kundizzjonijiet makroekonomiċi favorevoli, bil-banek juru livelli sodi ta' kapital u likwidità. Kien hemm żieda fil-profittabbiltà tal-banek, xprunata minn żieda fid-dħul nett mill-imgħax, flimkien ma' domanda għolja għall-kreditu b'mod partikolari għal attivitajiet relatati mal-proprjetà. Madankollu, konċentrazzjoni akbar fuq self lill-qasam tal-proprjetà jżid ir-riskju sistemiku. Il-Bank qed jissorvelja mill-qrib dawn l-iżviluppi u jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti ta' politika tiegħu kif xieraq.

Ix-xenarju tas-servizzi finanzjarji qed jevolvi wkoll lil hinn mis-servizzi bankarji tradizzjonali, hekk kif l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji u l-kumpaniji fintech qegħdin jespandu. Biex jindirizzaw dawn ir-riskji emerġenti, regolaturi Ewropej qed jikkunsidraw li jestendu l-miżuri makroprudenzjali għal dan is-settur. Madankollu, l-Aġent Gvernatur enfasizza li l-operaturi jibqgħu l-ewwel linja ta' difiża.

Is-Sur Demarco rrimarka wkoll li s-suq kapitali Malti jista' jkollu rwol sinifikanti fil-finanzjament tal-ħtiġijiet li qed jevolvu tan-negozji lokali. Huwa essenzjali li tinbena l-fiduċja tal-investituri, li tista' tinkiseb billi jittejbu l-oqsma regolatorji. L-introduzzjoni ta' klassifikazzjonijiet ta' dawk li jissellfu mis-suq u l-ħtieġa jitwarrbu fondi biex jitħallsu lura investituri, speċjalment fit-tiġdid u r-rifinanzjament tad-dejn, għandhom jgħinu wkoll. Hekk kif Malta tgħaddi għal ekonomija aktar ħadra, kemm il-banek kif ukoll is-swieq kapitali ser ikollhom bżonn iħaddnu mekkaniżmi finanzjarji sostenibbli.

L-Aġent Gvernatur ikkonkluda l-indirizz tiegħu billi qal li "Malta tinsab f'qagħda tajba għal tkabbir sod iżda m'għandhiex tistrieħ li dan bilfors ser iseħħ mingħajr ħtieġa ta' impenn." Madankollu żied jgħid li filwaqt li d-dixxiplina fiskali u s-salvagwardja tar-reżiljenza tas-settur finanzjarju ser ikunu kruċjali biex isostnu l-istabbiltà ekonomika, l-aġenti ekonomiċi, inklużi dawk li jfasslu l-politika, ser ikollhom jiffukaw fuq il-produttività u l-innovazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar huma s-sors reali ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u livelli aħjar ta' għajxien.

Lura lejn l-Arkivju